Imħabba u tolleranza mhux piki fil-festi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 2 ta’ Ġunju 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tas-seba’ ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù qal dan id-diskors – qegħdin naqraw mill-kapitlu 17 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann – ftit qabel ma ġie arrestat u bdiet il-passjoni ħarxa tiegħu, ftit wara li waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija u tana wkoll il-kmandament tal-imħabba. Ħin minnhom jitlob fuq l-appostli, id-dixxipli tiegħu u fuqna: “Ma nitlobx biss għalihom imma għal dawk li għad jemmnu minħabba fihom,” jitlob fuqna d-don diffiċli imma sabiħ tal-għaqda, tal-unità. “Ma nitlobx biss għal dawn imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija, nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:20-21).

Meta naraw il-firdiet ta’ bejnietna, il-mod kif nitkellmu fuq xulxin, il-piki fuq il-qaddisin u l-istatwi, kemm iweġġgħuni dawn l-affarijiet jien! Ġesù qed jitlob fuqna l-imħabba, il-paċenzja,  it-tolleranza u aħna nfettqu fuq l-affarijiet li quddiem l-eternità m’għandhomx sens, ma jiswewx. Jagħmel sens li nġelldu l-madonni f’ċerti paroċċi, l-istess titli tal-Madonna inġellduhom? Ma tagħmilx sens. Jew il-Madonna u San Ġużepp jew il-qaddisin bejniethom? Ma tagħmilx sens.

Dan li qed nagħmlu biex niċċelebraw il-qaddisin mhux rifless tal-ġenna u lanqas hu skont ir-rieda ta Ġesù. Ir-rieda ta’ Ġesù hi li ninħabbu tassew. B’hekk se jagħrfu li l-Mulej, il-Missier qaddis bagħat lil Ibnu mhux bil-piki ta’ bejnietna, bil-kliem ħażin li nagħmlu, bil-kliem disgustanti li jsir għal ċerti marċi fil-festi. Qed ngħid hekk għax issa beda l-istaġun tal-festi u rridu nagħmlu eżami ta’ kuxjenza. Dal-kliem ta’ Ġesù fejn joqgħod fil-festi tagħna? Fil-pika li nuri u li nuru għal xulxin? Biex ma ngħidux ukoll fuq ħaġa ħafna ikbar mill-gżejjer tagħna: il-pika li hemm bejnietna l-Insara.

Ġesù qed jitlob fuqna l-imħabba, il-paċenzja,  it-tolleranza u aħna nfettqu fuq l-affarijiet li quddiem l-eternità m’għandhomx sens, ma jiswewx

Ejjew nitolbu ħafna d-don tal-Ispirtu s-Santu anke bl-interċessjoni tal-martri. Dawn in-nies, biex jibqgħu fidili għal Ġesù, taw ħajjithom. Dawn iż-żewġ qaddisin Marċellinu u Pietru li qed infakkru llum, ġagħluhom iħaffru l-qabar tagħhom – kienu jafu x’se jgħaddi minnhom – imbagħad qatluhom u difnuhom fil-qabar li huma stess ħaffru. Din hi traġedja li ssir fid-dinja, għadha ssir ukoll quddiem għajnejna. Inħarsu biss ix-xbihat ta’ qsim il-qalb li naraw li ġejjin mill-Ukrajna, bniedem kontra bniedem, pajjiż kontra pajjiż, reliġjon kontra reliġjon.

Ġesù wkoll juża titli sbieħ għall-Ispirtu s-Santu. Ħin minnhom isejjaħlu ‘glorja’ għax il-glorja ta’ Ġesù hu l-Ispirtu s-Santu u għalhekk jgħid: “Nagħtihom il-glorja tiegħi” hu d-don tal-Ispirtu s-Santu. “Irrid li dawk li tajtni jkunu wkoll miegħi, fejn inkun jien biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni għax int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Ġw 17:24).

Ejjew nitolbu aħna u niċċelebraw in-novena li twassalna għal Għid il-Ħamsin, in-novena ta’ Pentekoste biex nemmnu li d-dinja temmen f’Ġesù jekk naħdmu fuq l-imħabba ta’ bejnietna u nitolbuh biex isaffina, inaddafna, jeżorċizzana – għax il-firda hi x-xogħol tax-xitan – jeżorċizzana bl-interċessjoni ta’ dan il-presbiteru, dan l-eżorċista martri Marċellinu u Pietru mill-pika u l-għira u l-firda ta’ bejnietna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: