Hekk kif il-Knisja fir-reġjun tal-Amażonja tal-Brażil, qed tiltaqa’ għar-4 laqgħa reġjonali tagħha, l-Papa Franġisku bagħat l-inkoraġġiment tiegħu lill-ministri tal-Knisja lokali. F’messaġġ maħruġ it-Tlieta 7 ta’ Ġunju, l-Papa qal li qalbu hija “mimlija bil-ferħ u tama” biex jara l-komunitajiet Insara fl-Amażonja jaħdmu flimkien biex jgħinu il-Knisja tingħata “wiċċ ġdid b’karatteristiċi Amażjani”.
Il-Papa fakkar fl-ewwel Laqgħa tal-Knisja Kattolika fl-Amażonja, li saret 50 sena ilu, fl-istess belt ta’ Santarém, fit-Tramuntana tal-Brażil. Dik il-laqgħa, nnota, poġġiet lill-Knisja lokali fi triq ta’ “evanġelizzazzjoni missjunarja” u mlietha bix-xewqa għall-“formazzjoni ta’ għarfien ekkleżjali sod”. Il-Laqgħa għenet ukoll biex titwitta t-triq għas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2019 fuq l-Amażonja.
Il-Papa Franġisku kompla jfaħħar lill-Knisja Brażiljana għall-isfrozi tagħha biex tkun ma’ dawk li qegħdin fil-foresta tal-Amażonja. Il-Papa qal li l-Isqfijiet tal-Brażil imlew is-Sinodu tal-2019 b’ “vitalità, saħħa, u tama”.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lill-Knisja fil-Brażil biex tkun “kuraġġuża u qalbiena” u miftuħin għall-azzjoni u l-ispirazzjoni ta’ Alla. “Alla tana lilu nnifsu”, qal, “u jispirana permezz tal-Ispirtu Tiegħu biex inxandru l-Evanġelju b’impenn ġdid u nikkontemplaw is-sbuħija tal-Ħolqien, li hija mimlija enerġija f’dawn l-artijiet tal-Amażonja, fejn nesperjenzaw il-preżenza mdawwla ta’ Kristu Rxoxt”.
Il-Qdusija Tiegħu temm l-messaġġ billi jafda l-Knisja fl-Amażonja Brażiljana f’idejn il-Madonna ta’ Nażaret, s-Sultana tal-Amażonja, “li qatt ma tabbandunana fil-mumenti l-aktar mudlama tagħna”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-brazil-fourth-church-meeting-amazonia-message.html