Il-Papa Franġisku jgħid li rridu ngħinu lil dawk li qed ibatu fl-Ukrajna mifnija mill-gwerra. Waqt il-kummenti tiegħu lill-fidili Taljani u lill-pellegrini miġbura fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 15 ta’ Ġunju, li saret fi Pjazza San Pietru, l-Qdusija Tiegħu għamel is-56 appell tiegħu għall-paċi fin-nazzjoni milqut mill-gwerra. “Jekk jogħġobkom”, appella l-Papa, “ma ninsewx il-poplu Ukren mifni bil-gwerra” u lanqas “nidraw ngħixu bħallikieku l-gwerra hija xi ħaġa l-bogħod”.
“Inħallu l-ħsibijiet, l-affezzjoni, t-talb u l-għajnuna tagħna jmorru dejjem lejn dan il-poplu li tant qed ibati u li qed jgħix il-martirju veru”.
Il-Qdusija Tiegħu għamel diversi appelli biex tintemm il-gwerra, li ġiegħlet lil aktar minn 7 miljun ruħ jaħarbu mill-Ukrajna, ħafna minnhom nisa u tfal, u xi 8 miljun oħra li mxew lejn post ieħor fl-Ukrajna stess.
Il-Papa Franġisku ilu mill-aħħar ta’ Frar, isejjaħ bla waqfien biex jgħinu lil dawk li qed ibatu mill-invażjoni Russa fil-pajjiż ġar tagħhom. Bagħat fl-Ukrajna lis-Segretarju tiegħu għar-Relazzjonijiet mal-Istati, l-Arċisqof Paul Richard Gallagher, u lill-Kardinal Michael Czerny, il-Prefett tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Ħajja Umana, u lill-Kardinal Konrad Krajewski, Prefett tad-Dikasteru tal-Vatikan għas-Servizz tal-Fqar, biex juri l-qrubija tal-Knisja lejn min qiegħed ibati.
Nhar il-Ħadd, waqt id-diskors tal-Angelus, il-Papa Franġisku wissa biex nidrawx bil-gwerra fl-Ukrajna. “Il-ħsieb tal-poplu Ukren, mifni bil-gwerra”, qal il-Papa, “jibqa’ ħaj f’qalbi”. Qal li rridu nżommu ħaj “il-ħsibijiet tagħna għal dik il-popolazzjoni li qed tbati”. “Ejjew nżommuhom dejjem f’qalbna”, insista u żied jgħid, “Ejjew nitolbu u nistinkaw għall-paċi”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-makes-56th-appeal-for-peace-in-ukraine-general-audience.html