Papa: Il-Knisja trid timxi mill-qrib mal-koppji lejn iż-żwieġ

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa, d-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja ħareġ linji gwida pastorali ġodda għall-Knejjes lokali, li jfasslu triq lejn il-ħolqien ta’ “Itinerarji Katekumenali għall-Ħajja taż-Żwieġ”. Il-Papa Franġisku kiteb il-prefazju għad-Dokument, u qal li dan jirrappreżenta “frott” tas-Sena tal-Familja Amoris Lætitia li timmarka l-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu dwar il-familja.

“Il-Knisja, f’kull żmien, hi msejħa biex tħabbar mill-ġdid is-sbuħija u l-abbundanza tal-grazzja li hemm fis-Sagrament taż-Żwieġ u l-ħajja tal-familja li toħroġ minnu, b’mod speċjali liż-żgħażagħ”.

Il-Papa qal lid-Dokument ifassal triq lejn “katekumenat” veru, ibbażat fuq il-mudell tal-katekumenat tal-magħmudija antik għall-adulti, sabiex jgħinhom jibnu ż-żwieġ tagħhom fuq il-blata tal-fidi. Huwa nnota li ħafna koppji jirċievu biss preparazzjoni superfiċjali qabel iż-żwieġ tagħhom u għalhekk jirriskjaw li jpoġġu ż-żwieġ tagħhom fuq pedamenti tant dgħajfa li “jitkisser fi żmien qasir u ma jkunx jiflaħ lanqas l-ewwel kriżijiet inevitabbli”.

“Il-fallimenti taż-żwieġ iġibu magħhom tbatija kbira u jħallu feriti profondi fin-nies. Jiġu diżillużi, mnikkta, u fl-aktar każijiet koroħ, saħansitra jispiċċaw ma jibqgħux jemmnu fil-vokazzjoni għall-imħabba, imnissla minn Alla nnifsu fil-qalb tal-bniedem.”

B’reazzjoni għal dan, il-Papa Franġisku qal, li l-Knisja trid takkumpanja lill-koppji li jfittxu li jiżżewġu fil-Knisja, animati minn xewqa għas-sewwa. Bħalma l-ebda omm ma tiffavorixxi minn fost uliedha, lanqas il-Knisja ma tittratta lil uliedha b’mod differenti. Għalhekk, il-Knisja trid tiddedika ħin u enerġija konsiderevoli biex takkumpanja lill-koppji għarajjes lejn iż-żwieġ, bħalma tagħmel mal-irġiel li jkunu qed ifittxu li jsiru saċerdoti jew nisa u rġiel li jidħlu fil-ħajja reliġjuża.

Il-Qdusija Tiegħu qal, li l-koppji miżżewġin “huma tassew ‘il-ħarriesa tal-ħajja’, mhux biss għax iġibu t-tfal, irabbuhom, u jakkumpanjawhom fit-tkabbit tagħhom, imma wkoll għax jieħdu ħsieb l-anzjani fil-familja tagħhom, u jiddedikaw ruħhom biex jgħinu lin-nies bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll lin-nies foqra li jiġu f’kuntatt magħhom”.

Il-Papa Franġisku tenna wkoll ix-xewqa tiegħu li l-Knejjes lokali jistabbilixxu “katekumenat veru għall-miżżewġin futuri li jinkludi l-passi kollha tat-triq sagramentali: ż-żmien tat-tħejjija għaż-żwieġ, iċ-ċelebrazzjoni tiegħu, u s-snin immedjatament wara”. “L-għan huwa li nimxu biċċa sew mal-koppji fil-vjaġġ tal-ħajja, anke wara t-tieġ, speċjalment f’mumenti ta’ kriżi jew ta’ skuraġġiment”, qal il-Papa.

Id-Dokument, żied jgħid, huwa kemm rigal kif ukoll responsabbiltà, għac joffri rikkezza ta’ materjal abbundanti filwaqt li jitlob lill-Knejjes lokali jadattaw il-linji gwida tiegħu fi programmi konkreti bbażati fuq is-sensibilitajiet kulturali tagħhom.

“Nappella għad-doċilità, l-ħeġġa u l-kreattività tar-Ragħajja tal-Knisja, u ta’ dawk li jassistuhom, biex tiżdied l-effettività tal-ħidma vitali u indispensabbli ta’ formazzjoni, tħabbira u akkumpanjament tal-familji, li l-Ispirtu s-Santu qed jitlobna nwettqu f’dan il-ħin.”

Il-Papa temm id-daħla tiegħu għad-dokument “Itinerarji Katekumeni għall-Ħajja taż-Żwieġ” billi ħeġġeġ lir-ragħajja tal-Knisja biex ikunu kuraġġużi quddiem din ir-responsabbiltà ġdida.

“Ejjew impoġġu moħħna u qalbna għas-servizz tal-familji futuri”, qal. “Nassigurakom li l-Mulej issostnina, jagħtina għerf u saħħa, ikabbar l-entużjażmu tagħna, u fuq kollox, iħallina nesperjenzaw il-‘ferħ u l-faraġ tal-evanġlizzazzjoni’, hekk kif inxandru l-Evanġelju tal-familja għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-preface-catechumenal-itineraries-married-life.html

%d bloggers like this: