Kien tilef l-impieg għax m’aċċettax li jieqaf milli jagħmel din it-talba.
Fis-27 ta’ Ġunju 2022, l-ogħla qorti fl-Amerka ddeċidiet favur il-libertà reliġjuża ta’ kowċ tal-futbol li, wara l-logħba, jagħmel talba żgħira f’nofs il-grawnd. Joseph Kennedy, kowċ tal-futbol, kien tilef l-impieg tiegħu fi skola pubblika ta’ Bremerton, Washington, għax m’aċċettax li jieqaf milli jagħmel din it-talba.
L-akkuża tal-qorti kienet li, għalkemm b’talba fil-kwiet, il-kowċ kien qed iwettaq reat ta’ diskriminazzjoni billi l-istudenti, bħala vulnerabbli, setgħu jiġu affettwati mill-azzjoni tiegħu. Joseph Kennedy sostna li hu qed jaġixxi skont it-twemmin reliġjuż tiegħu, billi jagħmel talba privata ta’ ringrazzjament wara l-logħbiet tal-football.
Il-każ dar fuq żewġ mistoqsijiet: jekk impjegat fi skola pubblika jistax jitlob quddiem l-istudenti u jekk skola pubblika għandhiex dritt li tipprojbixxi t-talb fil-pubbliku. L-avukat li rrappreżenta l-iskola qal li l-azzjoni ta’ Kennedy setgħet iġġiegel lill-istudenti biex jitolbu. Irraġuna li impjegat ta’ skola pubblika jista’ jitlob waħdu waqt ix-xogħol afdat lilu, anke quddiem għajnejn l-istudenti, imma fil-każ ta’ Joseph Kennedy kien qed jitlob b’mod li jinstema’ mill-istudenti. L-avukat tal-iskola ssuġġerixxa li minflok, Kennedy seta’ jitlob fil-kamra tal-ġurnalisti biex ikun bogħod mit-tim.
Il-qorti, fid-deċiżjoni tagħha, tat raġun lil Joseph Kennedy. L-imħallfin, b’6 voti kontra 3, aċċettaw li l-kowċ Kennedy għandu dritt li jagħmel talba żgħira ta’ ringrazzjament fil-grawnd bħala espressjoni ta’ dak li jemmen fih.
Rapport minn Joe Galea.