Il-messaġġ li tagħtina d-Dar tal-Providenza

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi fil-bidu tal-quddiesa li qaddes fid-Dar tal-Providenza, il-Ħadd 3 ta’ Lulju 2022

Din id-Dar hija kuljum ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża. Lilna tagħtina messaġġ qawwi u importanti ħafna, lilna, lis-soċjetà Maltija kollha.

Din id-Dar turina l-ewwel nett l-għożża tal-ħajja. Mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha, mit-tnissil tagħha, il-ħajja hija għażiża u aħna għandna ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

Din id-Dar tagħtina wkoll messaġġ qawwi ta’ inklużjoni. Kull bniedem għandu sehem fis-soċjetà.

Għalhekk aħna għandna naċċettaw dejjem lil kull bniedem, kull ħajja umana. Qatt ma għandna nifirdu: din il-ħajja umana hija tajba biex tgħix; u din il-ħajja umana, minħabba xi kundizzjoni li għandha, għandha titwarrab. Hija ħaġa kerha din!

Din id-Dar tgħinna biex nifhmu kemm hi sabiħa l-inklużjoni.

Din id-Dar tagħtina wkoll messaġġ ta’ solidarjetà. Iktar ma bniedem hu vulnerabbli u dipendenti, iktar jeħtieġ l-appoġġ u s-solidarjetà biex jimxi ’l quddiem, għaliex is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Għalhekk ejjew ngħinu lil din id-Dar tal-Providenza biex tkompli tkun id-dar ta’ ħafna mħabba u għożża.

%d bloggers like this: