“Ħrief” għax Kristu r-ragħaj it-tajjeb tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 3 ta’ Lulju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-Erbatax-il Ħadd ta’ matul is-sena. Kappella tad-Dar tal-Providenza, Siġġiewi.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Lq 10:3). Dan hu li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu, it-tnejn u sebgħin, meta jibgħathom biex imorru qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer hu. Meta tara dal-kliem ta’ Ġesù, donnu ma tantx tagħmel kuraġġ, meta jgħidilhom li se jiltaqgħu mal-ilpup! Imma tajjeb li nifhmu dal-kliem ta’ Ġesù, għax mhux biss lid-dixxipli, dawn it-tnejn u sebgħin, imma lilna wkoll jurina kif għandha tkun l-attitudni tagħna fil-missjoni li tana Alla biex aħna wkoll inkunu ħabbara tal-Evanġelju tiegħu.

Bħal ħrief

Ġesù jgħid “bħal ħrief”, u hemm raġuni għax juża din il-kelma; għaliex hu r-ragħaj it-tajjeb li għandu n-ngħaġ u l-ħrief. Jekk aħna “bħal ħrief”, jiġifieri li għandna lil Kristu r-ragħaj it-tajjeb tagħna. Niftakru li lil Pietru, għal tliet darbiet, jistaqsih “tħobbni int?” u Pietru jwieġbu “inti taf li nħobbok”, Ġesù jgħidlu: irgħa n-ngħaġ tiegħi, irgħa l-ħrief tiegħi (ara Ġw 21:15-17). Meta jgħidilna “bħal ħrief”, ifisser li l-attitudni tagħna għandha tkun dejjem dik ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, ta’ ġentilezza, u qatt attitudni ta’ arroganza jew b’xi mod nagħmlu l-ħsara lil ħaddieħor.

Ġesù jgħidilhom lid-dixxipli tiegħu: “bħal ħrief qalb l-ilpup” – biex jurihom li mhix se tkun faċli l-missjoni tagħhom, għax se jiltaqgħu ma’ dawk li huma bħall-ilpup. Jiġifieri dawk li ma jinteressahomx verament il-bniedem, u l-istima tal-ħajja tal-bniedem u d-dinjità tiegħu, dawk li jagħmlu l-ħsara. Ġesù jgħidilhom li għandhom ikunu “bħal ħrief qalb l-ilpup”.

Kemm hi importanti din! Għax jekk aħna flok “bħal ħrief qalb l-ilpup” inkunu “bħal ilpup qalb l-ilpup”, jiġifieri li aħna wkoll inkunu bħal dawk li jagħmlu l-ħsara, qed ngħidu li Ġesù mhuwiex ir-ragħaj tagħna, għax Ġesù hu r-ragħaj ta’ dawk li lesti jaċċettawh għax huma n-ngħaġ tiegħu u l-ħrief tiegħu. 

Strumenti tal-paċi tiegħu

Imbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa sabiħa ħafna lid-dixxipli li tgħodd ħafna wkoll għalina llum. Jgħid: It-tislima tagħkom għandha tkun “Is-sliem lil din id-dar” (Lq 10:5). Li aħna kulfejn inkunu, bil-kelma tagħna imma wkoll bl-imġiba tagħna, inwasslu l-paċi. Nafu li din kienet ukoll it-tislima ta’ Kristu Rxoxt, kull meta deher: “Il-paċi magħkom”. Hu jrid li aħna wkoll din inwasslu kulfejn inkunu: il-paċi, biex il-bnedmin kollha jistgħu jgħixu tassew fil-paċi ta’ Alla.

Ġesù jgħidilhom: ħa jkollkom dejjem din it-tislima. Jekk ikun hemm min ma jaċċettahiex, ma jfissirx li aħna ninbidlu u flok paċi nġibu aħna l-firda. Ifisser li dak li jkun ma jkunx aċċetta din it-tislima, din l-attitudni ta’ paċi. Imma aħna dejjem għandna nkomplu nkunu strumenti ta’ paċi ta’ Alla.

Quddiem ir-rifjut

Ġesù jurina xi ħaġa tant importanti għall-ħajja tagħna. Jgħidilhom lid-dixxipli li se jkun hemm min jilqagħhom u min jilqa’ l-kelma tagħhom, u se jkun hemm min jirrifjutahom.  Din importanti għalina, għax kultant fi żmienna jkun hemm min jgħid: ara dawn ma jridux jagħtu każ, tgħidilhom kemm tgħidilhom għalxejn! Ara, nippruvaw inħabbru l-kelma ta’ Alla u m’hemmx rispons! Sa minn żmien Ġesù, u d-dixxipli tiegħu, u tul l-istorja, u llum ukoll, hekk hi: hemm min jiqagħha l-kelma ta’ Alla, u hemm min ma jaċċettahiex, hemm min jirrifjutaha. Importanti li aħna nkunu tassew dawk li nwasslu l-kelma ta’ Alla bix-xhieda ta’ ħajjitna l-ewwel u b’kelma ta’ ġid. Imbagħad, jekk ikun hemm min jirrifjutaha, din ma għandhiex lilna ddaħħalna f’qoxortna u ma tħalliniex ngħixu aħna fil-paċi u fil-ferħ. Dik hi r-responsabbiltà ta’ min ma jaċċettahiex. Hekk se tkun dejjem, imma aħna għandna dejjem inwasslu s-saltna ta’ Alla.

Għalhekk Ġesù jgħidilhom: ħabbru li “s-saltna ta’ Alla waslitilkom” (Lq 10:9). U jekk ikun hemm min ma jilqagħhiex, mhux tgħidu: allura hawnhekk is-saltna ta’ Alla ma għandhiex post. Le, Ġesù jgħidilhom: is-saltna ta’ Alla waslet ukoll. Intom ma tilqgħuhiex, imma hawn qiegħda wkoll.

Isimna miktub fis-sema

Dan hu messaġġ tant sabiħ għalina bħala dixxipli tiegħu. U Ġesù imbagħad jgħid xi ħaġa li għandna dejjem inżommuha f’qalbna. Meta d-dixxipli jiġu lura u jkunu ferħana għax raw suċċess fil-ħidma tagħhom, speċjalment il-ħidma biex ineħħu l-ispirtu ħżiena, Ġesù jgħidilhom: ifirħu l-aktar mhux minħabba s-suċċess tal-ħidma tagħkom imma “ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet” (Lq 10:20). Dan hu li jgħid lilna lkoll; li jgħid lir-residenti ta’ din id-Dar, u l-ħaddiema ta’ din id-Dar u lilna lkoll li Ġesù jridna dixxipli tiegħu. Nifirħu għax isimna miktub fuq il-pala ta’ jdejh. Din lilna ġġibilna ħafna ferħ, ħafna paċi, ħafna mħabba, u tgħinna biex inwasslu din il-paċi u l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn.

Nitolbu lil Sid il-ħsad

Nitolbu llum lill-Mulej. Hu qalilna “itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10:2). Nitolbuh illum lill-Mulej biex ikun hemm ħafna ħaddiema fl-għalqa tiegħu, biex ikun hemm ħafna li jwieġbu għas-sejħa tiegħu, u biex aħna nkunu, kif jixtieqna hu, dawk li nħabbru l-Bxara t-tajba b’ħafna mħabba, ġentilezza u kompassjoni, u dejjem bi stima kbira lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: