QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI RUMANI
BI TĦAJJIJA GĦALL-GĦID
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tlieta, 30 ta’ Marzu 1982
1. Glorija lilek, Verb ta’ Alla!
Din it-tislima tirrepqti ruħha kuljum fil-liturġija tar-Randan. Din tiġi qabel il-qari tal-Vanġelu, u tixhed li ż-żmien tar-Randan huwa fil-ħajja tal-Knisja perijodu ta’ konċentrazzjoni partikolari dwar il-Verb ta’ Alla. Tali konċentrazzjoni kienet marbuta – speċjalment fl-ewwel sekli – mat-tħejjija għall-Magħmudija fil-lejl tal-Għid, li għalih kienu jħejju ruħhom il-Katekumeni b’qawwa dejjem tiżdied .
Iżda, mhux biss rigward il-Magħmudija u l-katekumenat li r-Randan jistimola għal konċentrazzjoni hekk qawwija dwar il-Kelma ta’ Alla. Il-bżonn jitqanqal min-nsatura stess tal-perijodu liturġiku, jiġifieri mill-profondità tal-Misteru, li fih il-Knisja tidħol sa mill-bidu tar-Randan.
Il-misteru ta’ Alla jilħaq il-menti u l-qlub qabel xejn permezz tal-Kelma ta’ Alla. Infatti, insibu ruħna fil-perijodu tal-“inizjazzjoni” għall-Għid, li huwa l-misteru ċentrali ta’ Kristu, minbarra tal-fidi u tal-ħajja ta’ dawk li jistqarruh.
Jiena kuntent li f’dan il-perijodu, din is-sena wkoll, ingħatali li nwassal il-kontribut personali tiegħi lill-pastorali tal-ambjent universitarju ta’ Ruma. Nagħti l-merħba kordjali tiegħi lil dawk kollha preżenti: Professuri, Studenti u mistiedna li jiġu minn barra Ruma.
Nixtieq, f’din l-okkażjoni, infakkar li il-problemi li jirrigwardaw il-preżenza tal-Knisja fid-dinja universitarja tal-Belt tagħna, il-problemi ta’ din il-pastorali akkademika speċifika kienu din is-sena t-tema tal-laqgħa tal-kleru tad-doijoċesijiet ta’ Ruma fil-bidu tar-Randan. Flimkien ma’ ħuti fl-Episkopat u fil-presbitarjat, li jaqsmu miegħi l-ansjetajiet pastorali għat-tliet miljun ċittadin ta’ Ruma tas-snin tmenin stajt nismà diversi ilħna ta’ professuri, ta’ student, ta’ reppreżentanti tal-ambjenti akkademiċi u movimenti ndividwali, kif ukoll tal-assistenti ekkleżjastiċi tagħhom, li spjegaw problem numerużi rigward id-dmir important tal-Knisja ta’ Ruma f’dan is-settur
Nittama li dan id-dmir ikun jistà jiġi mwettaq b’mod dejjem iktar matur u fruttuż.
2. Tifħir lilek, Verb ta’ Alla!
Din il-kelma fil-Liturġija tal-Ġimgħa ta’ qabel tal-aħħar tar-Randan issir prattikament qawwija u, ikolli ngħid. Partikolarment drammatika. Dan jenfasizzawh b’mod speċjali il-qarjiet mill-Vanġelu ta’ San Ġwann .
Kristu, waqt li jitħadded mal-Fariżej, dejjem iktar ċar jgħid Min hu, Min bagħtu, u kliemu ma jsibx akkoljenza. U dejjem iktar, permezz tat-tensjoni krexxenti tal-mistoqsijiet u tat-tweġibiet, jieħu forma wkoll it-terminu ta’ dan il-proċess: il-mewt tal-profeta ta’ Nażżaret.
“Int min int?” (Ġw 8,25), jistaqsuh bħalma darba kienu staqsew lil Ġwanni l-Battista.
Din il-mistoqsija ġġib magħha dak l-inkwiet messjaniku etern, li fih kien involut Iżrael għal ġenerazzjonijiet sħaħ, u li fil-ġenerazzjoni ta’ dak iż-żmien kienet tidher li żiedet fil-qawwa.
– Int min inti?
– “Meta tkunu għollejtu lil Bin il-bniedem, allura tkunu tafu…” (Ġw 8,28).
3. Donnu li l-Kunċett-muftieħ tal-Liturġija tallum tal-Kelma ta’ Alla hija dik ta’ “elevazzjoni”.
Tul il-vjaġġ twil ta’ Iżrael fid-deżert, Mosè “għamel serp tal-bronż u waħħlu ma’ arblu” (Nm 21,9). Dan għamlu fuq amar tal-Mulej, meta l-poplu kien qiegħed jingidem minn sriep velenużi “u numru kbir ta’ Iżraeliti mietu” (Nm 21,6). Meta Mosè waqqaf is-serp tal-bronż fuq l-arblu, kulmin kien jingidem mis-sriep, b’ħarsa lejh”kien jibqà ħaj” (Nm 21,9).
Dak is-serp tal-bronż sar il-figura ta’ Kristu “mgħolli” fuq is-salib. L-interpreti jaraw fiha l-aħbar simbolika tal-fatt li l-bniedem, li b’fidi jħares lejn is-salib ta’ Kristu “jibqà ħaj” Jibqà ħaj…: u l-ħajja tfisser ir-rebħa fuq ild-dnub u l-istat tal-grazzja fil-moħħ uman.
4. Kristu jgħid: “Meta tkunu għollejtu lil Bin il-bniedem, allura ssiru tafu…”: tagħrfu, issibu t-tweġiba għal din il-mistoqsija li issa għamiltu lili, billi ma torbtux fuq il-kliem li ngħidilkom.
“It-“tgħollija” permezz tas-Salib tikkostitwixxi sa ċertu punt il-muftieħ biex nagħrfu l-verità kollha, li Kristu jħabbar. Is-Salib huwa l-għodda, li permezz tagħha se jkun permess lill-bniedem li javviċina lil din ir-realtà li Kristu jirrivela. Jirrivela jfisser “tagħmel magħruf”, “tagħmel preżenti”.
Kristu rrivela lill-Missier. Permezz tiegħu l-Missier isir preżenti fid-dinja umana.
“Meta tkunu għollejtu lil Bin il-bniedem, allura ssiru tafu li jien jien u ma nagħmel xejn minn raja, imma kif għallimni l-Missier, hekk nitkellem jien” (Ġw 8,28).
Kristu jirrevoka lill-Missier bħal fl-aħħar sors tal-verità li jħabbar: “Dak li bagħatni huwa mimli verità, u jiena ngħid lid-dinja l-affarijiet li smajt mingħandu” (Ġw 8,26).
U fl-aħħarnett:
“Dak li bagħatni huwa miegħ u ma telaqnix waħdi, għaliex jien nagħmel dejjem l-affarijiet li jogħgbu lilu” (Ġwv 8,29).
F’dan il-kliem tiżvela ruħha quddiemna dik is-solitudni illimitata, li Kristu kellu jisperimenta fuq is-Salib, fl-“elevazzjoni” tiegħu. Din is-solitudni tibda waqt it-talb fil-Ġetsemani – li kellha tkun agunija spiritwali vera – u titwettaq fil-kruċifissjoni. Allura Kristu jgħajjat: “Elì, Elì, lemà sabactàni”, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27,46).
Issa, iżda, bħallikieku jantiċipa dawk is-sigħat ta’ solitudni tremenda, Kristu jgħid: “Dak li bagħatni huwa miegħi u ma telaqnix waħdi…” Bħallikieku ried jgħid, l-ewwelnett: ukoll f’dan l-abbandun suprem miniex waħdi! Allura nwettaq dak li “Jogħġob lilu”, dik li hija r-Rieda tal-Missier! U ma nkunx waħdi!
– U, barra minn dan: il-Missier ma jħallinix f’idejn il-mewt, ladarba fis-Salib hemm il-bidu tal-qawmien mill-imwiet. Propju għal dan, “il-kruċifissjoni” ssir fl-aħħar minn l-aħħar l-“elevazzjoni”: “Allura ssiru tafu min jien jien”. Allura, ukoll, tagħrfu li “jien ngħid lid-dinja l-ħwejjeg li smajt mingħandu”.
5. Il-kruċifissjoni ssir tassew l-elevazzjoni ta’ Kristu. Fis-Salib hemm il-bidu tal-Qawmien mill-Imwiet.
Għalhekk is-Salib isir il-qies definittiv tal-ħwejjeġ kollha, li jinsabu bejn Alla u l-bniedem. Kristu iqishom propju b’dan il-metru.
Fil-Vanġelu tallum ejjew nisimgħu xi jgħid:
“Intom minn hawn isfel, jiena minn hemm fuq; intom ta’ din id-dinja, jiena miniex ta’ din id-dinja” (Ġw 18,23).
Id-dimensjoni ta’ din id-dinja tiġi, sa ċertu punt, kontrapposta mad-dimensjoni ta’ Alla. Fid-djalogu ma’ Pilatu Kristu jgħid ukoll: Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ hawn isfel” (Ġw 18,36).
Id-dimensjoni tad-dinja tiltaqà mad-dimensjoni ta’ Alla propju fis-Salib: fis-Salib u fil-Qawmien mill-Imwiet.
Għal dan is-Salib isir dak l-aħħar metru, li bih Kristu jkejjel. Isir il-punt ċentrali ta’ referenza. Id-dimensjoni tad-dinja tiġi fih riferita definittivament għad-dimensjoni tal-Alla l-Ħaj. U l-Alla l-Ħaj jiltaqà mad-dinja fis-Salib. Jiltaqà permezz tal-mewt ta’ Kristu.
Din il-laqgħa hija totalment għall-bniedem.
Għaliex – kultant nistaqsu lilna nfusna – dik il-laqgħa tal-Alla l-Ħaj mal-bniedem twettqet fuq is-Salib?… għaliex kellha sseħħ hekk?
Kristu, fid-djalogu tallum, jagħtina t-tweġiba: “Jekk infatti ma temmnux li jiena jien, tmutu fi dnubietkom” (Ġw 18,24).
Fuq id-dimensjoni tad-dinja jqiegħed id-dimensjoni tad-dnub… Propju għal dan il-laqgħa ta’ Alla mad-dinja titwettaq fis-salib.
Hemm bżonn tas-Salib u tal-mewt, sabiex il-bniedem “ma jmutx fi dnubietu”.
Hemm bżonn tas-Salib u tal-qawmien mill-imwiet, sabiex il-bniedem jemmen lil Kristu, sabiex taċċetta din id-“dinja” li huwa jirrivela permezz tiegħu.
Fi Kristu huwa rivelat lill-bniedem l-Alla il-Ħaj. Alla l-Missier.
Mhux biss: fi Kristu biss huwa rivelat lill-bniedem – huwa rivelat għal kollox – il-misteru tal-bniedem stess.
6. Hemm bżonn nitgħallmu nkejlu l-problemi tad-dinja, u b’mod speċjali l-problemi tal-bniedem, bil-metru tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu.
Li nkunu nsara jfisser li ngħixu fid-dawl tal-misteru paskwali ta’ Kristu. U nsibu fih punt fiss ta’ referenza għal dak li hemm fil-bniedem, għal dak li huwa bejn il-bnedmin, dak li jikkomponi l-istorja tal-umanità u tad-dinja.
Il-bniedem, waqt li jħares fih innifsu, jiskopri wkoll – bħalma Kristu jgħid fid-djalogu mal-Fariżej – dak li huwa “ta’ hawn isfel” u dak li huwa “ta’ hemm fuq”. Il-bniedem jiskopri fih innifsu (u din hija esperjenza perpetwa) l-bniedem “ta’ hemm fuq” u l-bniedem “ta’ hawn isfel”: mhux żewġ bnedmin, imma kważi żewġ dimensjonijiet tal-istess bniedem; tal-bniedem, li huwa kull wieħed minna: jien, int, hu, hi…
U kull wieħed minna – jekk iħares attentament, b’mod awtokritiku, jekk ifittex li jara lilu nnifsu fil-verità – ikun jaf jgħid fih x’jappartieni għall-bniedem “ta’ hawn isfel” u x’jappartieni għall-bniedem “ta’ hemm fuq”. Ikun jaf isejjaħlu b’ismu. Ikun jaf jistqarru.
U fl-aħħarnett: f’kull wieħed minna hemm ċerta tendenza spontanja mill- bniedem “ta’ hawn isfel” lejn dak “ta’ hemm fuq”. Din hija aspirazzjoni naturali. Dment li ma nifgawhiex, ma nkasbruhiex ġewwa fina.
Din hija aspirazzjoni. Jekk nikkoperaw magħha, din l-ispirazzjoni tiżviluppa ruħha u ssir il-mutur ta’ ħajjitna.
Kristu jgħallimna kif nikkoperaw magħha. Kif niżviluppaw u napprofondixxu dak li fil-bniedem huwa “ta’ hemm fuq”, u kif nindebolixxu u nirbħu dak li huwa “ta’ hawn isfel”.
Kristu jgħallimulna bil-Vanġelu tiegħu u bl-eżempju personali tiegħu.
Is-Salib hawn isir kejl ħaj. Isir il-punt ta’ riferenza, li permezz tiegħu il-ħajja ta’ miljuni ta’ bnedmin tgħaddi minn dak li fil-bniedem huwa “ta’ hawn isfel” għal dak li huwa “ta’ hemm fuq””.
Is-Salib u l-qawmien mill-imwiet: il-misteru paskwali ta’ Kristu.
7. L-ewwel metodu elementari ta’ dan il-passaġġ huwa t-talb.
Meta l-bniedem jitlob, f’ċertu sens spontanju idur lejn Dak li joffrilu d-dimensjoni “ta’ hemm fuq”. B’dan stess ibiegħed lilu nnifsu minn dak li, fih innifsu, huwa “ta’ hawn isfel”. It-talb huwa moviment intern. Huwa moviment li jiddeċiedi dwar l-iżvilupp tal-personalità umana kollha. Tal-indirizz tal-ħajja.
B’liema ċarezza jagħti espressjoni lil din it-tema is-Salm tal-Liturġija tallum!:
“Mulej isma talbi / lilek tilħaq il-karba tiegħi. / La taħbix wiċċek minni; / fil-jum tad-dwejjaq tiegħi / dawwar widintek lejja. / Meta nsejjaħlek: weġibni minnufih” (Sal 102 [101],1-3).
Il-bniedem jgħix fit-tiftix ta’ “wiċċ Alla”, li huwa moħbi quddiemu fid-dlamijiet “tad-dinja”. Bdanakollu, fl-istess “dinja” jistà jiskopri l-marki ta’ saqajn Alla. Jinħtieġ biss li jibda jitlob. Li jitlob. Li jgħaddi minn dak li huwa “ta’ hawn isfel” lejn dak li huwa “ta’ hemm fuq”. Li flimkien mat-talb jiskopri fih innifsu it-triq li tmur mill-bniedem “ta’ hawn isfel” għal dak “ta’ hemm fuq”.
Għeżież tiegħi! F’isem l-Imsallab u l-Irxoxt nitlobkom: Itolbu! Ħobbu t-talb!
8. Glorja Lilek, Verb ta’ Alla!
Jalla l-imħabba għat-talb issir f’kull wieħed u waħda minna il-frott tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.
“Iż-żerriegħa hija l-Kelma ta’ Alla, iż-żerriegħ iżda huwa Kristu; kull wieħed li jsibu jibqà għal dejjem”, jiddikjara test liturġiku.
Iż-żerriegħa hija l-bidu tal-ħajja tal-ħajja. Din tiġbor fiha il-pjanta kollha. Taħbi ż-żbula għal żmien il-ħsad u l-ħobż futur.
Il-Verb ta’ Alla huwa tali żerriegħa għall-erwieħ umani. Iż-żerriegħ huwa Kristu.
Ejjew nitolbu li miż-żerriegħa tal-kelma ta’ Kristu titwieled fina mill-ġdid din il-Ħajja, li l-bniedem huwa msejjaħ għalija fi Kristu. Imsejjaħ “minn hemm fuq”.
Din il-ħajja titwieled fis-sagramenti tal-fidi. Titwieled l-ewwel fil-Magħmudija u mbagħad fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.
Kristu mhuwiex biss Dak li jxandar il-Kelma ta’ Alla. Huwa Dak li f’din il-Kelma jagħti l-Ħajja.
Ħajja ġdida.
Tali hija l-qawwa tal-kliem: “Jiena ngħammdek”.
Tali hija pura l-qawwa tal-kliem: “Jiena naħfirlek… mur fis-sliem”. Mur! Fid-direzzjoni minn dak li huwa fik “ta’ hawn isfel” lejn dak li huwa “ta’ hemm fuq”. Għal darb’oħra, mur!
U fl-aħħarnett il-qawwa tal-kliem ewkaristiku: “Kulu u ixorbu lkoll” Min jiekol…jgħix. Jgħix għal dejjem..
Ejjew inħarsu, għeżież ħuti, lejn “l-elevazzjoni” ta’ Kristu. Ejjew inħarsu minn ġol-priżma tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet lejn l-umanità tagħna. Ejjew naċċettaw l-istedina li tinkludi ruħha fil-misteru paskwali ta’ Kristu. Ejjew naċċettaw il-Kelma u l-Ħajja. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb