Il-Papa fil-Quddiesa fi Quebec: “Ġesù imexxina mill-falliment għat-tama u l-fejqan 

Print Friendly, PDF & Email

Fil-bidu tal-ħames jum tal-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Kanada, l-Papa Franġisku mexxa Quddisa fis-Santwarju Nazzjonali ta’ Sainte-Anne-de Beaupré, xi 30 kilometru fil-Lvant ta’ Quebec. Il-Papa vvjaġġa bil-karozza lejn l-eqdem sit ta’ pellegrinaġġ fl-Amerika ta’ Fuq, li nbena l-ewwel darba fl-1658, biex jilqa’ fih l-istatwa mirakoluża tan-nanna ta’ Ġesù.

Fl-omelija tiegħu, l-Papa Franġisku rrifletta fuq il-konklużjoni tal-Evanġelju ta’ San Luqa, li jirrakkonta l-vjaġġa tad-dixxipli lejn Għemmaws u l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù, li fil-bidu ma għarfuhx.

Il-Papa qal li l-esperjenza tad-dixxipli bdiet bit-tbatiaj u d-dwejjaq tagħhom għall-falliment kif rawh huma tal-pjan ta’ Ġesù, iżda spiċċa bit-twelid ta’ tama ġdida, wara li Ġesù akkumpanjhom bħala vjaġġatur ħabib tagħhom.

“Kull meta l-fallimenti tagħna jwasslu għal laqgħa mal-Mulej, il-ħajja u t-tama jitwieldu mill-ġdid u aħna kapaċi nirrikonċiljaw: magħna nfusna, ma’ ħutna, u ma’ Alla”.

Bħad-dixxipli, aħna wkoll nistgħu nesperjenzaw falliment fil-vjaġġ spiritwali tagħna stess meta l-pjanijiet tagħna jispiċċaw, meta naqtgħu qalbna mill-ideali għoljin tagħna minħabba l-insuffiċjenzi tagħna stess, jew meta nħossuna mgħaffġa minn dnubietna. L-Papa Franġisku qal li l-komunità tal-Knisja tesperjenza intoppi simili meta tiffaċċja “l-iskandlu tal-ħażen u l-vjolenza li wasslet għall-Kalvarju”.

It-tentazzjoni f’mumenti bħal dawn ta’ dubju u falliment hija li naħarbu u nfittxu kenn fin-niket u r-rimors.

“(Il-ħarba) hija tentazzjoni li ġejja mill-għadu, li jhedded il-vjaġġ spiritwali tagħna u dak tal-Knisja, għax iridna naħsbu li l-fallimenti kollha tagħna issa huma rriversibbli”.

Madankollu, qal il-Qdusija Tiegħu, l-Evanġelju jgħalliman li Ġesù jiġi jimxi maġenbna proprju f’dawk il-mumenti ta’ falliment u jgħallimna naqraw l-ġrajjiet f’dawl ġdid. Huwa nnota li l-Bażilika ta’ Sainte-Anne-de Beaupré reġgħet inbniet tliet darbiet, darba wara nar devastanti. Madankollu, l-fidili taż-żona baqgħu joħolmu u reġgħu ħarġu “b’kuraġġ u kreattività”.

Ġesù, qal il-Papa Franġisku, jiftħilna għajnejna għar-realtà wara l-fallimenti tagħna, billi jaqsmilna l-ħobż u jpoġġina lura fit-triq it-tajba.

“X’għandna nagħmlu, hekk kif nissaportu l-provi spiritwali u materjali, waqt li nfittxu t-triq għal soċjetà aktar ġusta u fraterna, waqt li nistinkaw biex nirkupraw mid-diżappunti u l-għeja tagħna, hekk kif nittamaw li nitfejqu mill-feriti tal-passat u li niġu rikonċiljati ma’ Alla u ma’ xulxin?”

It-tweġiba tinsab f’Ġesù nnifsu, qal il-Papa, peress li dejjem jiġi għandna biex “jurina t-triq għall-fejqan u r-rikonċiljazzjoni”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-07/pope-francis-mass-quebec-canada-saint-anne-de-beaupre.html

%d bloggers like this: