Fil-ġimgħat li għaddew il-missjoni Brażiljana tilfet żewġ missjunarji Maltin. Kien nhar it-22 ta’ Ġunju li tħabbret il-mewt ta’ Dun Franġisk Xavier Tabone Adami li seħħet fil-belt ta’ Apucarana. Kien saċerdot li ddedika ħajtu kollha lill-poplu t’Alla. Filwaqt li nhar it-28 ta’ Ġunju tħabbret il-mewt għall-għarrieda ta’ Dun Ġwann Caruana fl-età ta’ 81 sena konsegwenza ta’ arrest kardijaku, fil-belt ta’ Maringá. Kien ħabib tal-fqar u ġellied għall-ġustizzja; qassis ta’ qalb kbira u ġeneruża.
Matul ix-xahar t’Awwissu tista’ taqra aktar dwar dawn iż-żewġ missjunarji, fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom naqra dwar il-Kongregazzjoni tal-Verġni Mbierka ta’ Monte Oliveto mwaqqfa minn San Bernard Tolomei. Artiklu ieħor ilaqqana ma’ diversi dehriet tal-Madonna, mhux daqstant magħrufa, li seħħew f’diversi pajjiżi tul is-snin.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.