Il-Papa fil-Każakstan: “Qatt tidraw l-gwerra jew tiddejqu tgħinu lill-vittmi tagħha”

Print Friendly, PDF & Email

Fit-tieni jum tal-Vjaġġ Appostoliku tiegħu ta’ 3 ijiem fil-Każakstan, il-Papa Franġsiku ppresieda ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa bil-parteċipazzjoni tal-fidili fil-ground tal-Expo f’Nur-Sultan.

Ara l-Omelija tal-Papa Franġisku waqt din il-quddiesa …

Fi tmiem il-Quddiesa, l-Papa indirizza xi kliem ta’ gratitudni, fejn irringrazzja lill-Arċisqof Tomas Peta ta’ Maria Santissima f’Astana tad-diskors tiegħu. L-Papa rrikonoxxa wkoll l-isforzi li daħlu fit-tħejjijiet għaż-żjara tiegħu, u rringrazzja wkoll, lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi tan-nazzjon tal-Asja Ċentrali, u lil dawk kollha preżenti. “Insellem lilkom ilkoll, ħuti, u b’mod partikolari lil dawk fostkom li ġejtu minn pajjiżi oħra tal-Asja Ċentrali u mill-partijiet imbiegħda ta’ din l-art vasta,” qal il-Papa. “B’affezzjoni kbira, nbierek lill-anzjani u lill-morda, lit-tfal u liż-żgħażagħ”.

Il-Papa Franġisku enfasizza s-sentiment ta’ għaqda spiritwali mas-Santwarju Nazzjonali tar-Reġina tal-Paċi f’Oziornoje fil-Festa tal-Eżaltazzjonu tas-Salib Imqaddes, iċċelebrata liturġikament fl-14 ta’ Settembru. Huwa fakkar li l-kliem “Gratitudni lill-Poplu tal-Każakstan” u “Paċi lill-Umanità” huma mniżżla fuq is-salib il-kbir fis-Santwarju Nazzjonali. Ispirat minn dak il-kliem, huwa qal li “l-gratitudni lill-Mulej għall-poplu qaddis ta’ Alla li jgħix f’dan il-pajjiż kbir, magħquda ma’ gratitudni għall-impenn tiegħu li jippromwovi d-djalogu, isir talba għall-paċi, l-paċi li tant tistenna d-dinja tagħna”.

Il-Qdusija Tiegħu mbagħad dawwar ħsibijietu lejn l-inħawi kollha mifruxa mill-gwerra fid-dinja, b’mod partikolari l-Ukrajna, u talab biex qatt ma nidraw il-gwerra, jew nirriżenjaw għall-inevitabbilità tagħha. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jgħinu lil min qiegħed ibati u nsista li jsiru sforzi ġenwini biex tinkiseb il-paċi, filwaqt li nnota wkoll li f’dawn il-jiem, kien hemm rapporti ta’ vjolenza fir-reġjun tal-Kawkasu. “L-unika soluzzjoni hija l-paċi u l-uniku mod bies tasal għall-paċi huwa permezz tad-djalogu,” saħaq il-Papa.

“X’għad irid jiġri, u kemm se jkun hemm imwiet, qabel mal-kunflitt iċedi għad-djalogu għall-ġid tan-nies, tan-nazzjonijiet u tal-umanità kollha?”

Fl-aħħar, il-Papa Franġisku stieden talb minn kulħadd biex id-dinja titgħallem kif tibni l-paċi, mhux l-inqas billi tillimita t-tellieqa għall-armi u tikkonverti l-ammonti enormi li jintefqu fuq il-gwerra f’għajnuna konkreta għan-nies. “Nirringrazzja lil dawk kollha li jemmnu f’dan”, qal il-Papa. “Nirringrazzja lilkom ilkoll, u lil bnedmin kollha li huma ħabbâra tal-paċi u tal-għaqda!”           

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-francis-mass-ukraine-gratitude-kazakhstan-apostolic-journey.html

%d bloggers like this: