Il-Papa fis-7 Kungress fil-Każakstan: “Għandna bżonn il-paċi, n-nisa u ż-żgħażagħ”

Print Friendly, PDF & Email

Fi tmiem is-7 Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet Dinjija u Tradizzjonali f’Nur-Sultan, il-Każakstan, il-Papa Franġisku rringrazzja lil dawk preżenti talli ġew minn tant partijiet differenti tad-dinja. “Ivvjaġġajna din it-triq flimkien”, qal il-Papa, filwaqt li żied li l-impenn tal-membri fis-servizz tad-djalogu matul il-konferenza huwa aktar siewi minn qatt qabel “meta l-problemi tal-pandemija ġew aggravati mill-bluha assoluta tal-gwerra”.

Il-Papa Franġisku kompla billi fakkar fil-motto tiegħu għal din iż-żjara, “Messaġġiera tal-Paċi u l-Unità”, nnota d-deċiżjoni intenzjonata li l-kelma messaġġiera tiġi pluralizzata. “Wara l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001, kien meħtieġ li nirrispondu kollettivament għall-atmosfera taħraq li l-vjolenza terroristika fittxet li tqanqal, u li hedded li tibdel ir-reliġjon f’bażi ta’ kunflitt,” qal. “It-terroriżmu psewdo-reliġjuż, l-estremiżmu, r-radikaliżmu u n-nazzjonaliżmu, lebsin ilbies reliġjuż, xorta waħda jkomplu jkattru l-biżgħat u t-tħassib dwar ir-reliġjon. F’dawn il-jiem, imbagħad, wera providenzjalment li nistgħu nerġgħu ningħaqdu flimkien, sabiex nikkonfermaw mill-ġdid l-essenza awtentika u inaljenabbli tar-reliġjon”.

Il-Papa kompla jgħid li l-Każakstan, fil-qalba tal-kontinent kbir u ċentrali tal-Asja, kien il-post naturali biex niltaqgħu.

“Hemm konnessjoni b’saħħitha bejn il-politika u t-traxxendenza, forma soda ta’ koeżistenza li żżomm l-isferi tagħhom distinti: distinti, iżda mhux konfużi jew separati”.

Il-Papa Franġisku saħaq li “dawk li leġittimament jixtiequ jsemmgħu t-twemmin tagħhom iridu jkunu protetti, dejjem u kullimkien”. Żied jgħid li, sfortunatament, “ħafna nies huma saħansitra issa ppersegwitati u diskriminati minħabba l-fidi tagħhom”, u minflokk “irridu nassiguraw li l-libertà reliġjuża qatt ma tkun sempliċi idea astratta imma dritt konkret”.

Il-Qdusija Tiegħu spjega li huwa għalhekk li l-Knisja Kattolika temmen ukoll fl-għaqda tal-familja umana. Il-Knisja temmen li “l-umanità kollha tifforma komunità waħda” u “tixtieq li tkompli tagħmel hekk, għax it-triq tad-djalogu interreliġjuż hija triq komuni għall-paċi; u li huwa meħtieġ u irrevokabbli”.

Il-Papa Franġisku kompla jenfasizza tliet kelmiet fid-Dikjarazzjoni tal-Kungress. L-ewwel kelma hija sinteżi ta’ kollox, l-espressjoni ta’ talba mill-qalb, il-ħolma u l-għan tal-vjaġġ tagħna: l-paċi!

“Il-paċi hija meħtieġa b’mod urġenti, għaliex fi żmienna kull kunflitt militari jew sitwazzjoni mwiegħra ta’ tensjoni u konfrontazzjoni, li bilfors ikollha ‘d-domino effect’ ħażin u jikkomprometti serjament is-sistema tar-relazzjonijiet internazzjonali”. Min-naħa l-oħra, kompla l-kap tal-Knisja Kattolika, l-paċi “hija aktar min-nuqqas ta’ gwerra: ma tistax titnaqqas għaż-żamma tal-bilanċ tal-poter bejn forzi opposti u lanqas tqum minn dominju ta’ xi tirann iżda tissejjaħ b’mod xieraq ‘l-effett tal-ġustizzja’”.

Il-Papa żied jgħid li “t-tfittxija tagħna għall-paċi trid għalhekk tinvolvi dejjem aktar lin-nisa”: din hi t-tieni kelma.

“In-nisa jagħtu kura u ħajja lid-dinja: huma stess huma triq lejn il-paċi”.

Saħaq ukoll fuq l-importanza lin-nisa jiġu fdati b’pożizzjonijiet u responsabbiltajiet akbar, qabel ma daħħal it-tielet u l-aħħar kelma: iż-żgħażagħ. Il-Papa Franġisku saħaq li “ż-żgħażagħ huma messaġġieta tal-paċi u tal-għaqda, fil-preżent u fil-futur”. Huma, aktar minn ħaddieħor, isejħu għall-paċi u r-rispett lejn id-dar komuni tal-ħolqien, żied jgħid.

“Ejja npoġġu f’idejn iż-żgħażagħ l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, mhux l-armi tal-qerda! U ejjew nisimgħuhom, mingħajr ma nibżgħu niġu sfidati mill-mistoqsijiet tagħhom”.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, l-Papa Franġisku talab lill-mexxejja reliġjużi kollha fil-Kungress fil-Każakstan biex “inkunu miftuħa għal għada iżda konxji tat-tbatijiet tal-lbieraħ”, hekk kif aħna “nimxu ‘l quddiem f’din it-triq, nimxu flimkien fuq l-art bħala wlied is-sema, nisġa tat-tama u artiġjani tal-armonija, ħabbara tal-paċi u tal-għaqda”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-francis-closure-congress-world-leaders-traditions-religions.html

%d bloggers like this: