Il-Kardinal Krajewski jitlob quddiem l-oqbra tal-massa f’Izium.

Print Friendly, PDF & Email

Meta kien qed jitkellem jumejn biss wara li kien inqabad f’attakk bil-missili huwa u jagħti l-għajnuna umanitarja qrib il-belt ta’ Zaporishzhia, l-Kardinal Konrad Krajewski ddeskriva n-niket tiegħu, meta nstabu mill-inqas 400 qabar “mhux immarkati” ftit barra l-belt ta’ Izium, fil-Lvant tal-Ukrajna. “M’hemmx la kliem u lanqas dmugħ”, qal l-elemosina Papali, li żied lit-talb biss jista’ jtaffi l-qalb tant mgħobbija bl-uġigħ.

Il-Kardinal Krajewski rrakkonta kif qatta’ n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, flimkien mal-Isqof Pavlo Honcharuck tad-Djoċesi ta’ Kharkiv-Zaporizhzhia, f’Izium, lokalità li qabel kienet okkupata mill-qawwiet Russi fejn instabu l-fdalijiet ta’ madwar 500 ruħ. “Hemm assistejna għal ‘avveniment’ – nistgħu ngħidu – li matulha xi 50 żagħżugħ, l-aktar puluzija, pompiera, suldati lebsin fradal bojod, kienu qed iħaffru u jġorru mill-oqbra – ħafna minnhom oqbra komuni – li huma katavri ta’ nies Ukreni, li nqatlu xi 3 jew 4 xhur ilu, xi wħud minnhom midfuna reċentament”, qal.

“Wieħed huwa mistagħġeb b’tali orrur”, kompla l-Kardinal Polakk, u qal li anke jekk taf li hemm il-gwerra u li “l-gwerra ma tafx ħniena”, tara tant mejta flimkien li jikkawża sentimenti li diffiċli ħafna biex tesprimuhom. Huwa ddeskriva l-ħidma ta’ dawk li qed iħaffru u jġorru l-iġsma fis-skiet. “Ħaġa li missitni ħafna”, qal il-Kardinali, “kienet li nara lil dawk iż-żgħażagħ Ukreni jġorru l-iġsma b’tali mod delikat, f’daqshekk kwiet, anzi skiet totali. Ħadd ma jitkellem. Kien hemm mill-inqas 200 pulizija u suldati, kollha jaħdmu fis-skiet, b’apprezzament inkredibbli għall-misteru tal-mewt. Tassew, kien hemm ħafna x’wieħed jitgħallem minn din ix-xena”.

Huwa qal li l-mod kif bdew iġorru l-katavri kien bħallikieku kienu qed jagħmluh għall-membri tal-familja tagħhom stess… “għall-ġenituri, uliedhom, ħuthom…”  Il-Kardinal qal, li flimkien mal-Isqof mxew fosthom li jirreċitaw il-kurunella tal-Ħniena Divina, għal kemm-il darba. Huma qattgħu mill-inqas tliet sigħat jagħmlu dan, u tennew li kienet tassew “ċelebrazzjoni tal-ħniena”, ġest totalment gratuwitu. L-Kardinal Krajewski qal li l-esperjenza baqgħet miegħu anke wara li telaq minn fuq il-post. Huwa stqarr li wara huwa mar lura f’Karkhiv, u qagħad fil-kappella jaħseb f’dawk iż-żgħażagħ: “Kienet ġurnata diffiċli, mmarkata wkoll minn żjara fl-għassa tal-puluzija li kienet intużat bħala kamra tat-tortura.”

Il-Kardinal ħa ż-żmien biex itenni kif l-irġiel fuq il-post “wrew is-sbuħija li xi drabi hija moħbija f’qalbna”. “Wrew ġmeil uman f’post fejn jista’ jkun hemm biss vendetta. Imma le: fakkruni fil-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa li tgħidilna li l-ħażen irid dejjem jingħeleb bit-tajjeb. Ċertezza li hija balzmu fuq il-feriti ta’ din il-gwerra”, qal.

Il-Kardinal Krajewski bħalissa jinsab Kiev minn fejn se jitlaq lejn Ruma wara li ta l-għajnuna fl-inħawi ta’ Zaporizhizhia flimkien ma’ żewġ isqfijiet oħra, wieħed Kattoliku u l-ieħor Protestant, akkumpanjati minn suldat Ukren. Kien hemm fejn inqabdu f’taqbida ta’ attakk u fortunatament huwa ħarab bla ebda fatalità. Fl-aħħar, qal, kollox mar tajjeb, ħadd ma weġġa’ u ngħatat l-għajnuna kollha, anke ngħataw il-kuruni tar-rużarji mbierka mill-Papa.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-09/cardinal-krajewski-prayer-izyum-ukraine-war-peace.html

%d bloggers like this: