Qari tat-2 ta’ Jannar

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn ta’ qabel l-Epifanija

Qari I

Intom jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu.

1 Ġw 2, 22-28

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, min hu l-giddieb jekk mhux min jiċħad li Ġesù hu l-Messija? Dan hu l-antikrist, li jiċħad lill-Missier u lill-Iben. Kull min jiċħad lill-Iben, anqas lill-Missier ma għandu; min jistqarr lill-Iben, għandu lill-Missier ukoll. Intom, iżda, jalla jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu; għax jekk jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu, intom ukoll tgħammru fl-Iben u fil-Missier. Din hi l-wegħda li hu nnifsu għamlilna: il-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem. Ktibtilkom dan dwar dawk li jridu jqarrqu bikom. Madankollu fikom qiegħda tgħammar id-dilka li rċevejtu mingħandu, u għalhekk intom ma għandkomx bżonn min joqgħod jgħallimkom. Għax id-dilka tiegħu tgħallimkom hi dwar kollox, u t-tagħlim tagħha hu veru, u mhuwiex xi gidba. U ladarba hu hekk, mela ibqgħu dejjem fih kif għallmitkom hi. U issa, uliedi, ibqgħu fih, ħalli nkunu qalbna qawwija meta huwa jidher, u ma nġarrbux il-mistħija li nitwarrbu minnu meta jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

R/. (3a): L-art kollha rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 1, 1-2

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna

ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.

Issa f’dan l-aħħar żmien, hu kellimna permezz ta’ Ibnu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.

Ġw 1, 19-28

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Int Elija?”. “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?”. “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”. U hu wieġeb kif qal il-profeta Iżaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”. Weġibhom Ġwanni: “Jiena ngħammed bl-ilma, imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”. Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: