Qari tas-6 ta’ Jannar

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa ta’ qabel l-Epifanija

(meta l-Epifanija tiġi ċċelebrata l-Ħadd 7 jew 8 ta’ Jannar)

Qari I

L-Ispirtu, l-ilma u d-demm.

1 Ġw 5, 5-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità. Tlieta huma dawk li jixhdu: l-Ispirtu, l-ilma u d-demm, u t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. Jekk aħna nilqgħu x-xhieda tal-bnedmin, ix-xhieda ta’ Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. U min jemmen lill-Iben ta’ Alla għandu din ix-xhieda fih innifsu, iżda min ma jemminx lil Alla jkun igiddeb lil Alla, għax ma jkunx jilqa’ x-xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. U x-xhieda hija din: li Alla tana l-ħajja ta’ dejjem, u din il-ħajja tinsab f’Ibnu. Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min ma għandux l-Iben ta’ Alla ma għandux il-ħajja. Dan ktibtu lilkom, li temmnu fl-isem tal-Iben ta’ Alla biex tkunu tafu li intom għandkom il-ħajja ta’ dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 147, 12-13.14-15.19-20

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;

faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,

u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 6

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-smewwiet infetħu, u nstama’ leħen il-Missier jgħid:

“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu!”

R/. Hallelujah

Evanġelju

Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.

Mk 1, 7-11

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin Adam, bin Alla.

Lq 3, 23-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena. In-nies kienu jaħsbuh bin Ġużeppi, li kien bin Għeli, bin Mattat, bin Levi, bin Melki, bin Ġannaj, bin Ġużeppi, bin Mattatija, bin Għamos, bin Naħum, bin Ħesli, bin Naggaj, bin Maħat, bin Mattatija, bin Simgħi, bin Ġożè, bin Ġoda, bin Ġoħanan, bin Resa, bin Żorobabel, bin Salatjel, bin Neri, bin Melki, bin Għaddi, bin Kosam, bin Elmadan, bin Għer, bin Ġożwè, bin Eligħeżer, bin Ġorim, bin Mattat, bin Levi, bin Simgħon, bin Ġuda, bin Ġużeppi, bin Ġona, bin Eljakim, bin Melija, bin Menna, bin Mattata, bin Natan, bin David, bin Ġesse, bin Għobed, bin Bogħaż, bin Sala, bin Naħson, bin Għamminadab, bin Admin, bin Arni, bin Ħesron, bin Fares, bin Ġuda, bin Ġakobb, bin Iżakk, bin Abraham, bin Teraħ, bin Naħor, bin Serug, bin Regħu, bin Faleg, bin Għeber, bin Selaħ, bin Kajnan, bin Arfaksad, bin Sem, bin Noè, bin Lamek, bin Metuselaħ, bin Ħenok, bin Ġered, bin Maħalalel, bin Kajnan, bin Enos, bin Set, bin Adam, bin Alla.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: