Qari tas-Sibt tal-Ħames Ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

QARI I
Nagħmilhom ġens wieħed.
Eżek 37:21-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej: Araw, se nieħu lil ulied Iżrael minn fost il-ġnus fejn marru, niġmagħhom minn kull naħa u nġibhom f’arthom. U nagħmilhom ġens wieħed fil-pajjiż, fuq il-muntanji ta’ Iżrael; sultan wieħed ikun is-sultan tagħhom ilkoll. Ma jibqgħux iżjed żewġt iġnus, ma jibqgħux iżjed maqsuma f’żewġ saltniet.

Ma jitniġġsux aktar bl-allat foloz u l-ħwejjeġ moqżieża tagħhom, b’ebda dnub ieħor minn tagħhom. Jien għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni, jiena nsaffihom; u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi, u jiena nkun għalihom Alla tagħhom. Il-qaddej tiegħi David ikun is-sultan tagħhom, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd. Huma jimxu fuq il-preċetti tiegħi, u jħarsu l-liġijiet tiegħi u jżommuhom. U jgħammru fl-art li jien kont tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb, l-art li fiha għammru missirijiethom; jgħammru fiha huma u wliedhom u wlied uliedhom għal dejjem. U l-qaddej tiegħi David ikun il-prinċep fuqhom għal dejjem.

Nagħmel magħhom patt ta’ sliem, ikun patt magħhom għal dejjem; inwettaqhom u nkattarhom, u nqiegħed fosthom għal dejjem is-santwarju tiegħi. Fosthom tkun l-għamara tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.

Imbagħad jagħrfu l-ġnus li jiena l-Mulej li nqaddes lil Iżrael, meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Ġer 31:10,11-12ab,13

R/. (ara 10d): Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,
xandruha ’l bogħod fil-gżejjer:
għidu: “Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu”. R/.

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,
u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej. R/.

Imbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;
“Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,
infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Eżek 18:31

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Biegħdu minnkom il-ħtijiet kollha li waqajtu fihom, jgħid il-Mulej,
u ġeddu qalbkom u ruħkom.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin.
Ġw 11:45-56

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija, oħt Lazzru, u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih. Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù. Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna”.

Imma wieħed minnhom, Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, qalilhom: “Intom ma tafu xejn. Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu”. Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena nzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu, u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin.

Minn dakinhar ’il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh. Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f’nofs il-Lhud, imma telaq minn hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert, f’belt jisimha Efrajm, u qagħad hemmhekk mad-dixxipli tiegħu.

Kien wasal l-Għid tal-Lhud, u ħafna nies mill-kampanja telgħu Ġerusalemm qabel l-Għid għar-riti tal-purifikazzjoni. Huma fittxew lil Ġesù, u bdew jgħidu bejniethom fit-tempju: “Intom x’taħsbu? Tgħid, jitla’ għall-festa?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: