Qari tat-Tnejn tat-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

Qari I

U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.

Ġen 12, 1-9

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, 1il-Mulej qal lil Abram:

“Qum u itlaq minn artek,

minn art twelidek,

u minn dar missierek,

lejn l-art li jien nurik.

U jien nagħmlek ġens kbir,

inbierkek u nkabbarlek ismek,

u int tkun barka.

Jien inbierek lil min ibierkek,

u nisħet lil min jisħtek.

U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art”.

U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran. U ħa miegħu Abram ’il Saraj martu, u ’l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta’ Kangħan, u waslu f’art Kangħan. U Abram qasam l-art sas-santwarju ta’ Sikem, sal-balluta ta’ Mori; u dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art.

U l-Mulej deher lil Abram u qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art”. U hemm bena artal lill-Mulej, li kien deherlu. Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b’Betel fuq il-Punent u Għaj fuq il-Lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjaħ isem il-Mulej. U Abram baqa’ sejjer, miexi, miexi lejn il-Negeb.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 12-13.18-19.20 u 22

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija;

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int.

Mt 7, 1-5

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom.

Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk: “Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek”, meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: