Qari tat-Tnejn tad-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena u tal-Vġili tal-Verġni Marija mtellgħa s-Sema. (S)

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

QARI I
Aħtnu mela qlubkom. Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu.
Dewt 10, 12-22

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, x’inhu jitlob Alla minnek, jekk mhux li tibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek; li timxi fi triqatu kollha; li tħobbu u li sservi lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha; li tħares il-kmandamenti tal-Mulej u l-liġijiet tiegħu, li jien illum qiegħed nordnalek għall-ġid tiegħek?

Ara! tal-Mulej, Alla tiegħek, huma s-sema u s-sema tas-smewwiet, u l-art u kulma fiha. Imma lejn missirijietek inġibed il-Mulej, u ħabbhom u għażel lil nisilhom warajhom, lilkom minn fost il-popli kollha, bħalma intom illum.

Aħtnu mela qlubkom, u la twebbsux raskom aktar. Għax il-Mulej, Alla tagħkom, hu Alla fuq l-allat, u sid fuq is-sidien, Alla kbir, qawwi u tal-biża’, li ma jħarisx lejn l-uċuħ u ma jiħux rigali. Jagħmel il-ġustizzja mal-iltim u mal-armla, u jħobb il-barrani u jagħtih ħobż u lbies. Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art tal-Eġittu.

Mill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tibża’, lilu għandek isservi, miegħu għandek torbot qalbek, u b’ismu għandek taħlef. Hu l-foħrija tiegħek; hu Alla tiegħek, li għamel miegħek dawk l-opri kbar u tal-biża’, li rajt b’għajnejk. Sebgħin ruħ kienu missirijietek meta niżlu l-Eġittu, u issa l-Mulej, Alla tiegħek, kattrek bħall-kwiekeb tas-sema”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 147, 12-13.14-15.19-20

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Tess 2, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Joqtluh, u fit-tielet jum iqum. Is-sudditi meħlusa mit-taxxa.
Mt 17, 22-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, meta kienu flimkien fil-Galilija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh, u fit-tielet jum iqum”. U huma sewdu qalbhom ħafna. Reġgħu daħlu Kafarnahum, u resqu fuq Pietru dawk li jiġbru t-taxxa għat-tempju, u qalulu: “L-imgħallem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa?”. “Iva”, qalilhom.

Meta daħal id-dar, Ġesù, bla ma ħallieh jitkellem, staqsieh: “Int x’jidhirlek, Xmun? Is-slaten tal-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand is-sudditi jew mingħand il-barranin?”. “Mingħand il-barranin”, wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: “Mela s-sudditi meħlusa minnha. Iżda, biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom, asal wasla sal-baħar, ixħet ix-xlief u, l-ewwel ħuta li ttalla’, aqbadha, iftħilha ħalqha, u għandek issib munita tal-fidda; ħudha minn hemm u mur agħtiha lilhom għalija u għalik”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

15 ta’ Awwissu
It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija
Solennità
Quddiesa tal-Vġili

Qari I
Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-Tinda.
1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, David ġema’ ’l Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itella’ hemmhekk l-arka tal-Mulej fil-post li kien waqqaf għaliha. U hu laqqa’ flimkien ’l ulied Aron u l-Leviti. Kienu dawn li ġarrew l-arka ta’ Alla, u refgħuha fuq spallejhom bil-lasti, kif kien ordna Mosè fuq il-kelma tal-Mulej. David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex iqabbdu wħud mit-tribù tagħhom u jqegħduhom bħala għannejja bl-istrumenti tad-daqq, arpi, ċetri, ċnieċel, biex isemmgħu għana u daqq li jferraħ.

Ġabu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqfilha David, u offrew quddiem Alla sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. Meta temm joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 131:6-7,9-10,13-14

R/. Qum, Mulej, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Ara, smajna biha f’Efrata,
sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.
Ħa mmorru fl-għamara tiegħu,
nixteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh. R/.

Il-qassisin tiegħek jiżżejnu bil-ġustizzja,
u l-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-ferħ.
Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,
la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. R/.

Għax il-Mulej għażel lil Sijon
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib is-serħan tiegħi għal dejjem!
Hawn irrid ngħammar, għax hawn xtaqt jiena!”. R/.

QARI II
Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15:54-57

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”. In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28

R/. Hallelujah.
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek.
Lq 11: 27-28

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”.

Iżda hu qalilha: “Imma, tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. It-tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading