Qari tat-2 ta’ Ottobru – Tifkira tal-Anġli Kustodji Mqaddsa

Print Friendly, PDF & Email

Qari I

Eżodu 23: 20-23a

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Dan jgħid il-Mulej: “Arani, sa nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-triq u jwasslek fil-post li jien ħejjejt. Qis li tagħtih wiċċ u tisma’ kliemu, la tmerihx, għax ma jaħfrilkomx dnubietkom, għax hu jkellimkom f’ismi, Jekk tisma’ sewwa minn kliemu u tagħmel kulma ngħidlek, jien inkun il-għadu tal-għedewwa tiegħek u neħodha ma’ min jeħodha miegħek. L-anġlu tiegħi jimxi quddiemek u jwassalek għand l-Amurrin u l-Ħittin u l-Feriżżin u l-Kangħanin u l-Ħiwwin u l-Ġebusin, u jien neqridhom.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 90: 1-6.10-11

R/. L-anġli tiegħu jibgħatlek, biex iħarsuk!

Min jgħix għall-kenn tal-Għoli

min jgħammar għad-dell ta’ Dak li jista’ kollox,

hu jgħid lill-Mulej;

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,

Alla tiegħi, li fih nittama.” R/.

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab,

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik,

u taħt ġwenħajh tistkenn. R/.

Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl,

anqas minn vleġġa li tittajjar binhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam,

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar. R/.

Ebda deni ma jiġrilek,

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu jibgħatlek,

biex iħarsuk fi triqatek kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 102: 21

R/. Hallelujah.

Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha, qaddejja tiegħu,

li tagħmlu r-rieda tiegħu.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Mt 18: 1-5.10

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Resqu d-dixxpli lejn Ġesù u staqsewh: “Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?” Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, u qalilhom: “Tassew, ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

U għalhekk l-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir.

U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, jkun jilqa’ lili. Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar: għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.” 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.

%d bloggers like this: