Qari tas-27 ta’ Diċembru – Festa ta’ San Ġwann, Appostlu u Evanġelista

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
1 Ġw 1: 1-4

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.

Għeżież: Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġfieri l-kelma tal-ħajja, dan sa nxandrulkom.

Għax il-ħajja wriet ruħha u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u li wriet ruħha lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu. U qegħdin niktbu dan biex il-hena tagħkom ikun sħiħ.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 96

R/. Ifirħu, ġusti, fil-Mulej!

Il-Mulej isaltan! Ħa tifraħ l-art,
ħa jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru,
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

Bħax-xema’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha;
ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
u l-popli kollha jaraw is-sebħ tiegħu. R/.

Id-dawl feġġ fuq il-ġust,
u l-hena għal qalb in-nies sewwa.
Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,
u faħħru l-isem qaddis tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

R/. Hallelujah.
Lilek, o Alla, infaħħru. Lilek bħala Mulej nistqarru.
Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Ġw 20: 2-8

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa: Filgħodu kmieni meta kien għadu d-dlam, u Marjam ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.

Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh”. Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru, u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma daħalx.

Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading