Minn Edward Tagliaferro
“Imxi fuq dieta bilanċjata, u eżerċita regulari imma b’moderazzjoni.” Dan il-parir għal saħħa aħjar ilna nisimgħuh. Dal-waqt se nżidu miegħu: “…. u agħmel xi ħaġa sabiħa għal xi ħadd!”
Professuri f’diversi universitajiet, li huma mehdijin bit-tiftix xjentifiku fuq dan is-suġġett, kulma jmur qed isibu konnessjoni bejn li tagħmel il-ġid, ir-reliġjon u s-saħħa. U dawn il-professuri mhux kollha jemmnu f’Alla jew għandhom konnessjoni ma’ xi knisja.
F’Michigan, studju fuq 3000 ruħ fuq medda ta’ 14-il sena sabu li min jgħix maqtugħ għalih għandu riskju ta’ attakk tal-qalb darbtejn u nofs iżjed minn wieħed li jħossu milqugħ f’kommunita, per eżempju, fi knisja.
Hans Selye, espert fuq l-istress, jgħid li meta int tgħin lil xi ħadd, tispira fih gratitudni u rispett. Dawn iqanqlu fik l-endorfini li huma l-kalmanti naturali tal-moħħ, li mbagħad inisslu fik ċerta sħana li tnaqqaslek ħafna l-istress. Dr H. Benson minn Harvard jgħid li waqt attakk ta’ stress jgħin ħafna jekk wieħed jirrepeti talba żgħira, kelma (e.g. Missierna) jew frażi qasira (Grazzi Sinjur Alla…), jew ikantahom (mantra). Meditazzjoni, yoga u t’ai chi (tip ta’ yoga Ċiniż) jgħinu wkoll.
Xi xjenzjati jinsistu li meta tagħmel opri tajba tkun qed tqawwi l-immune system tiegħek. Biex jipprova dan, psikoloġista minn Harvard, D. McClelland, wera film ta’ Santa Madre Tereża lil grupp ta’ studenti. Meta analizza is-saliva tal-istudenti, irriżulta li din żdiedet fl-immuno-globalin A, sustanza li tiġġieled infezzjonijiet respiratorji.
L-ispeċjalista Redford Williams sab li aktar ma bniedem ikun irrabjat u nervuż, aktar għandu ċans li jibblukkawlu l-arterji. (Wieħed għaref jgħid li r-rabja hi kastig li tagħti lilek innifsek imħabba żball jew ħażen ta’ ħaddieħor). Dean Ornish, awtur tal-ktieb Stress, Diet and your Heart jaħseb li ħafna nies morda bil-qalb iħossuhom waħedhom, ħaġa li żżid l-istress. Allura hu jissuġġerilhom li jagħmlu xi ħaġa għall-oħrajn. E.g. meta kellu żewġ pazjenti li ma tantx kienu jinġiebu, qallhom biex jaħslu l-ħwejjeġ ta’ xulxin. Dan l-altruiżmu jġib il-fejqan u jippromwovi l-volontarjat.
Studju ta’ 21,000 ruħ (1987-1995) wera li dawk li marru l-knisja regolari għexu 7 snin aktar minn dawk li ma marru qatt. Studju fl-Indja ((1997) wera li għadd ta’ nies Ħindu li jitolbu kuljum kellhom 70% inqas ċans li jimirdu b’qalbhom. Studju minn Duke Universiy ta’ 400 ruħ li jattendu xi knisja regolari wera li din għenet biex iżommu l-pressjoni baxxa. Psikoloġisti minn Sheffield University sabu li min jitlob aktar, għandu inqas ċans li taqbdu depression jew ansjeta’.
Xi ngħidu mbagħad dwar il-maħfra? Meta tirċievi offiża jew azzjoni ħażina hemm ċans kbir li l-ġisem jislet l-ormoni tal-istress (adrenalina u cortisol) u int timtela b’rabja, tħoss demmek ibaqbaq, qalbek tħabbat iktar, titlagħlek il-pressjoni u l-istress iqalliblek l-istonku. L-ebda waħda minn dawn m’hi ta’ ġid għas-saħħa. In fatti l-cortisol jista’ jkun ta’ ħsara għall-memorja. Appena inti taħfer, dawn is-sintomi jieqfu mill-ewwel. Nammetti li mhux faċli li taħfer. L-anqas għandek taċċetta l-ħażen qisu ma ġara xejn. Jew int jew persuna fdata minnek jiħtieġ li turi lil min offendik li qiegħed fl-iżball, bit-tama li jikkoreġi ruħu. Sadatattant, aktar ma int tfittex għajnuna malajr biex taħfer, aktar tevita l-konsegwenzi tal-effetti tar-rabja, tensoni eċċ. Saru ħafna studji xjentifiċi fejn nies li saħansitra kienu bdew jaħsbuha jekk jaħfrux jew le, kien diġa beda jonqsilhom l-uġigħ fid-dahar u d-dipendenza fuq il-kalmanti. Studju ieħor wera li ma tistax tħossok tajjeb u ferħan meta tkun qed iġġorrr il-piż ta’ offiża.
Tgħiduli, “imma jekk nagħmlu att ta’ karita’ jew naħfru biex intejbu lil saħħitna jew biex nevitaw xi mard, ma jkollniex intenzjoni retta.” Aħna li nemmnu rridu niftakru x’qalilna Ġesu, i.e. li aħna ulied tal-istess Missier u li għandna nħobbu lil xulxin. Mela, jekk fil-waqt li nieħdu ħsieb xulxin, inkunu, fl-istess ħin, qed nibżgħu għall-saħħitna, x’fiha ħażin? Imbagħad lil dawk li ma jemmnux nistgħu ngħaddulhom dal-messaġġ: jistgħu jagħmlu l-ġid lill-proxxmu mhux biex jobdu xi preċett, imma biex jgħixu aktar u aħjar bħala ċittadini denji ta’ did-dinja.