QUDDIESA GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAL-KONFIRMAZZJONI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju 1982
Għeżież ħuti,
U intom b’mod speċjali, għeżież uliedi, li se tirċievu s-sagrament tal-Konfermazzjoni (il-Griżma tal-Isqof)!
1. Illum se tiġġedded f’nofsna il-ġrajja l-kbira tal-Pentekoste. Ukoll jekk id-data ta’ din il-festa issa ilha li għaddiet diversi ġimgħat, għalikom li se tirċievu l- Griżma tal-Iaqof illum huwa tassew Pentekoste, għaliex permezz tal-ministeru tiegħi ta’ Isqof, bit-tqegħid tal-idejn u bid-dlik taż-żejt imqaddes, intom sejrin tirċievu d-don tal-Ispirtu, li huwa l-Ispirtu tal-Mulej Sidna Ġesù Kristu.
Minħabba dan ridt ċerimonja intima ġewwa din il-Kappella kbira, ċerimonja li minħabba l-ambjent li fih qiegħda ssir u ferm iktar minħabba l-ġabra li fl-istess ħin tesiġi u tikkombini, tistà b’xi mod tirriproduċi l-atmosfera ta’ komunjoni spiritwali u ta’ karità li ssaħħah li kienet issaltan hemm fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem, fejn seħħet l-ewwel tiswiba tal-Ispirtu Santu fuq il-Knisja.
Appostli u dixxipli “kollha… kienu regolari u armonjużi fit-talb, flimkien ma’ xi nisa u ma Marija, Omm Ġesù, u ma’ ħutu… Meta kien wasal il-jum, kienu miġbura lkoll flimkien fl-istess post… U huma kienu kollha mimlijin bl-Ispirtu Santu” (At 1,14; 2,1.4).
Hekk hu, maħbubin ħuti u wliedi, fil-ġabra, fit-talb, fil-għaqda tal-karità aħna lkoll hawn preżenti irridu, nitolbu, nilqgħu l-Ispirtu li ġej. U magħna – ftakru – hawn Marija, Omm Ġesù u Ommna.
2. Sagrament kbir hija l-Griżma qaddisa, importanti ħafna fil-kwadru ġenerali tal-ħajja nisranija, mibdija bl-att tal-Magħmudija mqaddsa: hija sagrament għani sewwa għas-sinifikat u l-virtù spiritwali.
Li tgħid don tal-Ispirtu, infatti, jfisser tgħid fl-istess ħin d-doni tal-Ispirtu: is-sebà doni meraviljużi tiegħu li jakkumpanjawna għall-grazzja divina, billi jgħammxu r-ruħ bid-dawl, bil-qawwa u bil-kuraġġ.
Tiftakru dak li tgħallimtu fil-kors tal-katekiżmu? Għerf, fehma, kunsill, qawwa…: huwa, mela, don li jimmultiplika u jinfirex f’tant doni, li jagħmlu minn min jirċevihom nisrani perfett. Bħall-Appostli li, wara li kienu rċivew l-Ispirtu tal-verità u ta’ konsolazzjoni mwegħda lilhom minn Ġesù fi tmiem l-Aħħar Ċena (cf. Ġw 14,16-17.26;16,7-14), kienu kapaċi jissuperaw il-limiti tad-dgħufija umana biex isiru xandara u predikaturi qalbiena tal-Vanġelu fid-dinja, hekk ukoll intom, u b’mod speċjali intom, għeżież subien u bniet, billi llum tirċievu l-istess Spirtu, ilkoll nistgħu u għandna nkunu nsara perfetti, lesti dejjem u f’kollox, bil-kelma u bl-opri, biex nixhdu lil Kristu fis-soċjetà ta’ llum.
3. Sfortunatament, na nistax niżviluppa u nispjega, kif inhu possibbli li jsiru dawn is-sejħiet rapidi. Imma ppermettuli almenu li nisvolġi, fost tant, ħsieb wieħed, li għalih diġa tintroduċina it-Talba sabiħa ta’ dan il-Ħadd, li titkellem dwarna bħala wlied id-dawl, u li għaliha nistgħu mbagħad nerġgħu lura biex nimmeditaw dwar iż-żewġ mirakli mwettqà mill-Mulej, li dwarhom jitkellem il-qari evanġeliku (Mk 5,21-43).
Wara li sirna wlied Alla permezz tal-Magħmudija mqaddsa, wara li wasalna permezz tagħha fid-dawl tal-fidi, fina it-tiswib tal-Ispirtu li nirċievu fil-Konfermazzjoni jigi biex idawwal b’mod iktar wiesà din il-panorama, billi jiftaħ irwieħna għal viżjoni iktar ċara u profonda: bil-Griżma insomma, minbarra miż-żieda tal-grazzja santifikanti, niksbu dawl ikbar u aħna msejħin għal responsabbiltà ikbar. Għal dan komunement ngħidu li din tagħmilna insara perfetti. Inkunu nsara perfetti jfisser li nagħtu spazju lill-fidi tagħna; ifisser li ngħixu tassew, fil-kwotidjanità tal-eżistenza tagħna, bħala wlied id-dawl.
Mhux wieħed, imma tnejn – kif għidtilkom – huma l-mirakli tal-Mulej, li huma msemmija fil-Vanġelu tallum, Hekk hu Ġajru, il-kap tas-sinagoga, li jinxteħet quddiem Ġesù biex jitolbu s-salvazzjoni u l-ħajja għat-tfajla ta’ tnax-il sena, li kienet waslet biex tmut. Hawn hi wkoll l-mara mhux magħrufa li, sofferenti għal tnax-il sena, tgħid lilha nfishsa: “Jekk jirnexxili immiss biss it-tarf ta’ mantaru, inkun imfejqa”.
Dawn huma mirakli li, għalkemm differenti bejniethom minħabba l-partikolari u minħabba ċ-ċirkustanzi, għandhom bdanakollu komuni mhux biss il-fatt li huma marbutin b’mod kronoloġiku u kif “huma mdaħħla wieħed fl-ieħor”, imma fuq kollox premessa fondamentali u kondizzjonanti: jiġifier l-fidi ħajja u tiddi ta’ dak ir-raġel u ta’ dik il-mara fil-qawwa sovrana u ħanina tal-Mulej Ġesù. Ma jimpurtax li wieħed jitlob għal bintu u l-oħra għaliha nfisha; ma jimpurtax li wieħed jitlob b’kelma miftuħa nsistenti u l-oħra titlob mingħajr ma tlissen ebda ħoss estern. Dak li jimporta huwa l-fatt li t-tnejn huma mqanqla u mdawla nternament minn fidi qawwija u qalbiena. U propju bħala premju u tweġiba għal din il-fidi isegwi l-fejqan mirakoluż: il-qawmien mill-imwiet tat-tfajla; u l-fejqan mill-marda tal-mara (cf. Mk 5,21-43).
4. Fidi simili mdawla, soda, bla biżà għandha tkun id-distintiv ta’ min jirċievi, jew irċieva, is-sagrament tal-Konfermazzjoni. Bla dubju, din hija l-istess fidi tal-Magħmudija; imma li – bħal organiżmu fiżiku, li jissoda u jiżviluppa – jrid jikber ftit ftit mat-tkabbir tal-età. Jekk diġa għandu l-fidi l-imgħammed, iktar qawwija, iktar matura, “iktar adulta” din aktarx hi l-fidi li jippossiedi min irċieva l-Griżma tal-Isqof.
Proprju dan l-ideal tat-“tkabbir” tal-fidi, bħala ntensifikazzjoni tad-dawl, nixtieq illum nipproponilkom. Fl-epoka tagħna, iktar minn fl-imgħoddi, hemm bżonn iktar ta’ fidi biex inkunu xħieda ta’ Kristu f’dinja sekolarizzata. Agħmlu mod mela li l-istat ta’ nsara perfetti, li fih tiddistingwikom il-Ġriżma, jmiss fil-profond lil ruħkom u jsibilkom korrispondenza f’ħajja awtentika ta’ fidi; agħmlu mod li għal pożizzjoni oġġettiva sagramentali ikun hemm allinjament, bla qtugħ, bla xquq, bla kontradizzjonijiet, tal-pożizzjoni soġġettiva eżistenzjali ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Id-don tal-Isp[irtu Santu bħad-doni ndividwali tiegħu, ma jeħilsux mit-tweġiba għar-rieda, u mill-isforz meħtieġ biex nagħmlu li kollha jagħtu l-frott: il-Mulej ma jeżenta qatt lill-bniedem mill-impenn tal-korrispondenza u tal-kollaborazzjoni. U jekk fost dawn id-doni jiddistingwi ruħu – bħalma ridt infakkarkom – dak ta’ tiswib iktar abbundanti ta’ dawl soprannaturali, jiġri li iktar deċiża u iktar soda trid tkun min-naħa tal-bniedem t-tweġiba personali.
Għal dan il-għan, sabiex dan jivverifika ruħu f’kull wieħed u waħda minnkom li qeġħdin tirċievu l-Griżma, nixtieq ngħaqqad ma’ kliemi ta’ nkuraġġiment l-assikurazzjoni ta’ talba speċjali. Għalikom jiena nsejjaħ lill-Ispirtu ta’ Alla, sabiex ikun huwa stess li jwettaq mill-għoli tat-tempju tiegħu f’Ġerusalem ċelesti (cf. Sal 68,29) dak li se jopera bis-saħħa tas-sagrament tiegħu. Hekk ikun.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb