Din id-darba b’madwar 400 ħajku

Print Friendly, PDF & Email

Ktieb ieħor ta’ Noel Cachia …

Michael Caruana

F’perijodu relattivament qasir Noel Cachia tana ktieb ieħor… din id-darba b’ġabra ta’ madwar erba’ mitt ħajku. Fil-ktieb Minn Fomm il-Qalb, l-awtur jesprimi fil-qosor ta’ kull ħajku ħsieb jew sentiment inkella xbieha waħda biss.

Kull wieħed fih tliet versi biss. L-ewwel u t-tielet iħaddnu ħames sillabi kull wieħed filwaqt li t-tieni vers fih sebgħa. It-tliet versi magħsurin ma’ xulxin skont kontenut u kontinwità bejniethom huma magħmulin minn sbatax-il sillaba. Ir-ritmu jidwi x-xeħta tal-kontenut ironiku, riflessiv, umoristiku, didattiku, filosofiku u aktar. Parti mit-tifsira ta’ din il-forma poetika Ġappuniża msejħa ħajku huma l-konċiżjoni, is-suġġestjoni, l-implikazzjoni u s-sens moħbi bejn il-versi.

Il-ħajku li kiteb Noel Cachia jittrattaw diversi temi fosthom l-ambjent, ir-reliġjon, ir-razziżmu, l-isport, it-tfulija, it-tbatija, l-imħabba, il-ħajja, il-mewt, l-eternità u l-bqija. Dawn il-ħajku klassifikahom skont it-tema f’ordni alfabetiku. Għaldaqstant jibdew mill-annimali u jintemmu fiż-żmien, fil-ħin u fil-kejl.

Ċerti ħajku jaqgħu taħt temi differenti. F’dawn il-każijiet l-awtur iklassifikahom skont l-enfasi li kellu l-kontenut fuq xi tema jew oħra. Kull ħajku Noel Cachia tah titlu li jirrifletti kemm il-ħajku nnifishom kif ukoll it-temi li ġew klassifikati taħthom. Għaldaqstant jistgħu jissejħu wkoll reġistru.  Bħala eżempju t-titli, ‘Kmandamenti’, ‘Duluri’, ‘Knisja’, ‘Pjagi’ u ‘Qrar’ huma reġistru li jindikaw ir-Reliġjon jew xejriet spiritwali.

Xi ħajku l-awtur ma tahomx isem għax ħass li jagħmlu iżjed sens taħt sotto titlu wieħed. Bħala eżempju hemm is-sitt ħajku taħt it-tema, ‘Razziżmu, faqar u għana; tlieta jaqgħu taħt ir-razziżmu u t-tlieta l-oħra taħt il-faqar u l-għana.

Min-naħa l-oħra, il-ħajku klassifikat taħt is-sotto titlu ‘Xorb’, fit-tema, ‘Ikel u Xorb’ tahom isem. Għaldaqstant jinstabu titli bħal ‘Alkoħol’, ‘Birra’ u ‘Ħalib’. F’każijiet bħal dawn, Noel Cachia ħass li jkun aħjar li jagħtihom titlu kull wieħed. Minbarra t-titli jew sotto titli kull ħajku tah numru. B’kollox il-ġabra fiha 406 ħajku.

Bħalma għamel fil-kotba tan-novelli u fir-rumanzett, Noel Cachia uża kitba faċli u ħafifa biex il-qarrejja jifhmuha u jieħdu gost jaqrawha. U, għalkemm din id-darba kiteb taħt ġeneru differenti, l-awtur jittama li l-ġabra ta’ ħajku Minn Fomm il-Qalb tintlaqa’ wkoll.

Fid-daħla tal-ktieb, Professur Joe Friggieri jgħid li 400 ħajku fihom. Imma billi
qosra, malajr taqrahom u jtik li taqbeż minn wieħed għall-ieħor biex tara ta’
warajh hux aħjar minnu. Kif tagħmel hekk, lil ta’ qablu tinsieh u l-ġdid jaqla’
l-qadim.

Il-ħajku, jgħid Professur Friggieri, jorbot flimkien b’mod konċiż il-ħsieb,
l-immaġni u l-kelma. Il-ħsieb irid ikun wieħed u jitfisser f’immaġni waħda,
bil-kelma li torbothom flimkien b’rabta li ma tinħallx. Hi din ir-rabta
li tagħtik gost.

L-aħjar ħajku huma dawk li jissorprenduk, li joħorġu b’idea li ma tistennihiex
jew bi xbieha li qatt ma tkun ġietek f’moħħok qabel. Is-sorpriża tista’ wkoll
toħloq tbissima, l-aktar jekk tistrieħ fuq il-logħob bil-kliem. Joħloq tbissima
wkoll dak il-ħajku li wara ċ-ċajta jaħbi xi verità.

L-inqas li jogħġbu lill-Professur Friggieri huma l-ħajku didattiċi jew dawk li
jgħidu l-ovvju jew dawk li jibdlu l-forma tal-qwiel u l-proverbji. Il-qwiel
jiddependu għall-qawwa tagħhom mill-kostruzzjoni bilanċjata, mir-rittmu u
kultant mir-rima, u meta tibdlilhom surithom jitilfu kollox, ma jibqgħux jaqtgħu bħalma jagħmlu fid-diskors ordinarju.

Mill-banda l-oħra jogħġbuh ħafna dawk il-ħajku purament deskrittivi, li ma
jagħmlu xejn ħlief jieħdu ritratt, snapshot, b’kamera wieqfa li ma tirrapporta
l-ebda moviment, bħal dan, li għal Professur Friggieri hu wieħed mill-aħjar ħajku f’din il-ġabra għax għandu wkoll il-vantaġġ li l-ħsieb jispiċċa b’mod naturali ma’ kull linja mingħajr tiġbid biex jidħol preċiż fl-iskema.

Aktar tagħrif dwar l-ktieb Minn Fomm il-Qalb jista’ jinkiseb mill-paġna ta’
Facebook ta’ Noel Cachia jew billi wieħed iċempillu 79 070 927 jew jiktiblu
noel.cachia01@gmail.com. Il-ktieb qed jinbiegħ €3 u d-dħul kollu l-awtur se
jagħtik lil Puttinu Cares.

%d bloggers like this: