Ktieb tal-Isqof Nazzareno Marconi ppubblikat fil-Malti
Michael Caruana
Is-siġra ta’ Żakkew: mixja spiritwali biex niskopru l-vokazzjoni tagħna hu l-isem ta’ ktieb ġdid bil-Malti ppubblikat mid-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet Reliġjon u Ħajja. Il-kitba hi tal-Isqof ta’ Marche, Monsinjur Nazzareno Marconi u nqalbet għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Fid-daħla tiegħu għall-ktieb, l-Isqof Marconi jgħid li hu dejjem ħaseb li Is-siġra ta’ Żakkew kien ikun titlu tajjeb għal ktieb dwar il-ħajja spiritwali u, b’mod partikulari, biex jakkumpanja dik il-parti tal-bidu u fundamentali ta’ kull ħajja spiritwali li hi l-iskoperta tal-vokazzjoni tagħna: tas-sejħa jew aħjar tas-sejħat li Alla jagħmlilna matul ħajjitna. Jgħid li, bħall-istorja ta’ Żakkew, biex niltaqgħu mas-sens l-iżjed veru u sħiħ ta’ ħajjitna hemm bżonn li niltaqgħu ma’ Ġesù. Hi laqgħa li spiss għandha bżonn tal-għajnuna bħal dik li tat is-siġra li fuqha tela’ l-pubblikan li kien raġel qasir.
Dan il-ktieb mhuwiex magħmul għall-erwieh kbar. Għal min għandu kollox ċar quddiem għajnejh u jaf waħdu x’għandu jagħmel u kif. Hu magħmul għaċ-ċkejknin, għal dawk lesti jħallu lil min imexxihom tul it-triq li twassalhom għand il-Mulej.
Dan il-ktieb beda jara d-dawl fl-1983. Dak iż-żmien l-Isqof Marconi kien qed jgħix l-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu bħala edukatur fis-Seminarju Pontifiċju Maġġuri ta’ Ruma u kien imexxi laqgħa ta’ talb għaż-żgħażagħ. Kien minn dawn il-laqgħat li nibtu l-iskemi li minnhom beda dan il-ktieb. Wara 20 sena f’parroċċa t-toroq strambi tal-Providenza reġgħu wassluh fis-seminarju, din id-darba bħala Rettur tas-Seminarju Pontifiċju Reġjonali ta’ Umbria. Hawnhekk reġa’ ħareġ dawn il-kitbiet bl-idea li jesplora s-sejħa ta’ Ġesù fl-uċuħ kollha tagħha.
L-Isqof Marconi jsostni li l-bidu tal-ħajja spiritwali hu t-tweġiba għal sejħa, anzi għal serje ta’ sejħat u din iseħħ skont loġika li titwieled mill-esperjenza spiritwali tal-qaddisin il-kbar. Għalhekk l-ewwel passi mhumiex riflessjonijiet mirquma bl-għerf jew spjegazzjonijiet ta’ prinċipji eterni. L-ewwel passi huma t-talb u l-imħabba. “Jekk ma nifhmux il-valur u l-importanza li aħna msejħa, qabelxejn biex nitolbu u nħobbu, ma nisgħu qatt nifhmu l-valur bla tarf tal-vokazzjoni għall-ħajja, għall-fidi u għall-imħabba għal Ġesù u għall-għażla ta’ ħajja fiż-żwieġ jew fil-konsagrazzjoni lil Alla.
Wara l-ewwel edizzjoni Taljana ta’ dan il-ktieb, li llum m’għadekx issibha għall-bejgħ u bilkemm fl-idejn, l-Isqof Marconi jgħid li l-ħbieb Maltin talbuh l-permess li jittraduċu u jistampaw mill-ġdid dan il-ktieb bil-Malti. “Għaddew tant snin u l-eżempji li kont ħadt mid-dinja tal-kantawturi Taljani u li dak iż-żmien kienu attwali issa jagħmlu parti mill-istorja tal-mużika. Anki jien nagħmel parti mill-istorja, iżda jekk dawn il-paġni jistgħu jkunu mill-ġdid ta’ siwi għal xi ħadd biex ilissen l-‘iva’ tiegħu lill-Mulej, jien inkun kuntent u qed ngħaddih liż-żgħażagħ tal-lum bl-imħabba u l-barka kollha tiegħi.”
Fil-bidu tal-ktieb hemm riflessjoni ta’ Dalia Kandalaft OV li tgħid li meta ġie f’idejha dan il-ktieb u bdiet taqrah ma setgħetx temmen li xi ħadd, 18-il sena ilu, kellu l-istess ħsieb dwar din is-siġra: kif din is-siġra kellha sehem importanti fil-bidla totali ta’ Żakkew. Mingħajr din is-siġra, Żakkew ma setax jiltaqa’ mal-Mulej. Hu kien raġel qasir u n-nies kienu ħafna.
“Dawn huma l-problemi li jistgħu jxeklu l-mixja tagħna: problemi li jiġu mid-dgħufija umana tagħna, mill-kburija tagħna u mill-biża’ li nieħdu xi impenn, iżda hemm ukoll il-problemi li d-dinja tista’ tressqilna biex itellifna milli nilħqu l-iskop tagħna. Waħidna l-biċċa xogħol tidher impossibbli. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ xi siġra li tgħollina ’l fuq. Li tagħtina viżjoni differenti, li taqlagħna minn dak kollu li qed jiġbidna ’l isfel, li tagħtina arja differenti li fiha nistgħu nieħdu n-nifs u li ġġibna wiċċ imb wiċċ mal-Mulej. Din hi s-siġra ta’ Żakkew li joffrilna dan il-ktieb”, itemm Dalia Kandalaft.
Il-ktieb Is-siġra ta’ Żakkew: mixja spiritwali biex niskopru l-vokazzjoni tagħna, li qed jinbiegħ mill-ħwienet Emmaus Birkirkara u Victoria Għawdex bil-prezz ta’ €7, hu maqsum f’seba’ kapitli bl-ewwel erba’ jitrattaw is-sejħa tagħna għat-talb u l-aħħar tlieta jitrattaw is-sejħa tagħna għall-imħabba.