Il-Papa Franġisku appella lil kulħadd biex “niġġeddu l-qrubija tagħna lejn il-poplu Ukren imsawwat” u nipperseveraw fit-“talb għal dawn ħutna li tant qed ibatu”. Dan il-kliem tal-Papa wasal eżatt qabel ma ta l-barka finali tiegħu fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa.
Waqt li fakkar fit-tbatija immensa li dan il-poplu Ukren qed jesperjenza, l-Papa saħaq li rridu nżommuhom f’qalbna u fi ħsibijietna, speċjalment meta qed nersqu qrib iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u nintensifikaw it-tħejjija spiritwali tagħna.
Huwa ssuġġerixxa li niċċelebraw “Milied aktar umli” u naqqsu ftit mill-infiq fuq ir-rigali li nagħtu u nibgħatu dak li ffrankajna biex ngħinu lill-Ukreni li għandhom bżonn għajnuna ddisprata minħabba l-kesħa estrema, l-mard, in-nuqqas ta’ tobba u faċilitajiet mediċi, u issa l-ġuħ.
“Ejjew ma ninsewx… Milied, iva. Fil-paċi mal-Mulej, iva….. Imma bil-poplu tal-Ukrajna f’qalbna. U ejjew noffrulhom sinjali konkreti ta’ għajnuna”.
Aktar kmieni waqt l-Udjenza Ġenerali meta kien qed jindirizza lill-pellegrini Pollakki li kienu preżenti, l-Papa rringrazzja lill-poplu Polakk li ssieħeb f’inizjattiva lokali tal-Caritas bl-isem “Mill-Familja għall-Familja” li biha qed jiġi offrut appoġġ lil persuni milquta minn kunflitti armati u kriżijiet umanitarji madwar id-dinja. Il-ġabra ta’ din is-sena se tmur ukoll għall-familji Ukreni, u ħeġġiġhom biex jipperseveraw biex jaqsmu ma’ dawk fil-bżonn.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-12/pope-renews-closeness-to-ukrainians-need-humanitarian-help.html