San Ġorg Preca u l-ispirtu veru tal-Milied

Print Friendly, PDF & Email

“Din is-sena rridkom torganizzaw dimostrazzjoni b’Ġesù Bambin”

Fl-ewwel jiem ta’ Diċembru tas-sena 1921, meta San Ġorġ Preca ħaseb biex jibda dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Ġesu Bambin f’lejliet il-Milied, ftit li xejn stħajjel li din kienet se ssir tradizzjoni għażiża, li kellha magħna għal aktar minn mitt sena. Dun Ġorġ wera l-idea lis-soċji tal-Museum tal-Ħamrun u tal-Marsa u qalilhom: “Din is-sena rridkom torganizzaw dimostrazzjoni b’Ġesù Bambin”.

Għalkemm hi magħrufa bħala l-purċissjoni tal-Bambin, Dun Ġorġ riedha tkun dimostrazzjoni.

Riedha tkun festa ta’ ferħ għaliex dak li twieled f’Betlem kien Alla li sar bniedem. Dun Ġorġ ried iħabbar fit-toroq l-istqarrija tal-fidi Nisranija: “Alla hekk ħabb lid-dinja li taha ‘l Ibnu waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” 

Anki jekk f’Malta tal-1921 kien jeżisti spirtu qawwi tal-Milied, Dun Ġorġ ried li jkabbar il-gratitudni lejn Alla li sar wieħed minna, sar tarbija. Għax il-misteru tal-Inkarnazzjoni mela lil qalbu tul ħajtu kollha. Il-festa tal-Milied kienet tfisser ħafna għalih, l-aktar il-kliem fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann: “U l-Kelma saret laħam u għammret fostna.” 

Fil-fatt Ewġenju Borg, l-ewwel soċju tal-Museum, jirrakkonta li Dun Ġorġ kien jimxi miegħu lejn il-kampanja ta’ Santa Venera u hemm kien jgħallmu dwar il-prologu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Dun Ġorġ kien jafda ma’ Ewġenju: “Dawn il-versi huma tqal imma huma l-bażi tar-reliġjon tagħna.”

Bħal San Franġisk t’Assisi, li fl-1223 kien imnebbah biex jagħmel l-ewwel presepju fir-raħal Taljan ta’  Greccio, Dun Ġorġ seba’ mitt sena wara, kien imnebbaħ biex jagħmel l-ewwel dimostrazzjoni bil-Bambin  u jiċċelebra Milied speċjali fit-toroq tal-Ħamrun. Is-soċji tal-Museum imxew bl-istatwa tal-Bambin, iħabbru l-fidi li kellhom f’Alla li sar bniedem għas-saħħa tal-bnedmin.

Dun Ġorġ kien imqanqal biex jagħmel hekk b’mod ġdid u bis-sehem ta’ ħafna. Għalih, bħal San Franġisk, il-Milied ma kienx biss festa għat-tfal, imma festa għal kull persuna, żgħar u kbar, għax aħna lkoll ġejna mifdija bil-miġja ta’ Ġesu Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem.

Is-soċji li Dun Ġorġ tarrfilhom l-idea ma kinux lesti għal din il-ħaġa, imma malajr imtlew bl-entużjażmu. Lanqas Bambin imdaqqas ma kellhom, imma  soċju minnhom issellef wieħed mill-kunvent tal-Franġiskani Konventwali tal-Belt.

Fl-ewwel purċissjoni ġew ħafna nies iġorru x-xemgħat u l-fanali tal-bycicles. Oħrajn ġabu blalen tal-karti u weraq tal-palm. Il-purċissjoni f’lejliet il-Milied bdiet bin-nies tal-Ħamrun jingħaqdu maċ-ċelebrazzjoni. Fl-għaġla tagħhom, is-soċji ma ħasbux biex iġibu l-permess tal-Pulizija. Dun Ġorġ tahom il-parir li jekk xi ħadd iwaqqafhom, iduru lura lejn il-Museum. Imma ma kienx hemm problemi. Il-purċissjoni mxiet kif ippjanat u mingħajr inkwiet.

Soċju minnhom żamm f’idejh l-istatwa tal-Bambin bl-ikbar qima. It-tfal ingħaqdu mal-purċissjoni jkantaw l-għanja li ħafna kienu jafu, “Adeste Fideles” u għanjiet tradizzjonali Maltin, l-aktar “Ninni La Tibkix Iżjed”li għadna nkantaw  sal-lum.

X’dehra sabiħa tal-folla għaddejja f’nofs it-toroq imdallma, li f’dak iż-żmien kienu bid-dawl baxx ta’ ftit fanali. Kien hemm il-ferħ tal-membri tal-Museum u n-nies tal-Ħamrun li ngħaqdu mal-purcissoni jġorru d-dwal u jkantaw l-għanjiet tal-Milied.  

Xi snin wara l-ewwel purċissjoni tal-Bambin kien hemm żmien meta Dun Ġorġ ried li l-purċissjoni ssir ukoll b’mod regolari fid-djar tal-Museum, fil-25 ta’ kull xahar. Ma tkomplitx minħabba li xi drabi kienet taħbat mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid. Minflok, Dun Ġorġ introduċa l-Adorazzjoni tal-Verbum Dei biex issir bħala talba fil-25 tax-xahar.

Il-purċissjoni xterdet malajr f’naħat oħra ta’ Malta u Għawdex. Saret aktar ordinata, bi statwa mdaqqsa tal-Bambin f’maxtura mqiegħda fuq bradella u tinġarr fuq l-ispallejn, akkumpanjata bi dwal aħjar u tabelli bi kliem marbut mat-twelid ta’ Ġesù. L-akklamazzjoni “Verbum Dei caro factum est” (Il-Kelma t’Alla saret Bniedem) timxi fuq quddiem, tipproklama  l-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Maż-żmien il-purċissjoni saret waħda mill-iktar drawwiet li jiġbdu n-nies għalihom. Marret ‘il hemm minn xtutna kulfejn hemm il-Museum: l-Awstralja, Kuba, il-Peru, l-Ingilterra, il-Polonja, il-Kenja u l-Albanija.

Nistgħu ngħidu li San Ġorġ Preca hu l-Appostlu tal-Verbum Dei. Għal darbtejn ikkummissjona lill-pittur Malti, Rafel Bonniċi Calì, biex ipitter lill-Madonna fil-ħin tal-Fiat tagħha fejn tafda fit-taħbira tal-anġlu li ssir omm il-Feddej. Din il-pittura tissejjaħ Il-Madonna tal-Verbum Dei.

Il-badge bil-kliem tal-Verbum Dei, li tintlibes mill-membri tal-Museum, hi eżempju ieħor tad-devozzjoni ta’ San Ġorġ Preca lejn l-Inkarnazzjoni. Xtaq li kulħadd jilbes il-badge tal-Verbum Dei, mhux biss il-membri. Dun Ġorġ kellu entużjażmu biex ixerred il-kliem tal-Verbum Dei tant li kien iqassam ħafna kartolini b’dan il-messaġġ lill-pubbliku. Kien hemm żmien meta waqt il-purċissjoni tal-Bambin, it-tfal kienu jingħataw badge tal-karti għamla ta’ fjura bil-kelmiet Verbum Dei.

Biex juri li l-Milied hu festa reliġjuża, Dun Ġorġ ried li, xi mkien fid-dar, kull familja jkollha grotta jew presepju. Ħeġġeġ lis-soċji biex ma jħallux il-Milied jgħaddi qabel ma jagħtu grotta, f’xi forma jew oħra, lil kull tifel u tifla biex joħduha magħhom id-dar. Illum il-membri tal-Museum jgħaddu ħafna sigħat jagħmlu l-pasturi u jiżbgħuhom ħalli jagħtuhom bħala premju lit-tfal.

Il-purċissjoni ta’ Ġesu Bambin għadha rilevanti llum. F’Malta ma tbegħidniex għalkollox mill-veru tifsira tal-Milied, imma ħafna għamlu l-Milied okkażjoni ta’ kummerċ. Bil-mod il-mod, il-Milied, il-festa ċentrali tal-Inkarnazzjoni, qed tiġi reklamata bħala festa bla sens mingħajr Kristu. F’xi pajjiżi, lanqas biss għadhom isejħulha Milied.

Jekk mitt sena ilu, San Ġorġ Preca ħass il-bżonn li jqajjem l-interess tan-nies għar-realtà tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni, il-bżonn illum hu ħafna ikbar. Ma ninsewx li l-adorazzjoni fil-beraħ lejn Ġesù ġagħlet lil Dun Ġorġ biex jibda l-purċissjoni tal-Ħamrun. L-għan tiegħu kien li jispira lin-nies biex jirriflettu iktar fuq l-imħabba t’Alla. Illum, f’Malta u fid-dinja, hemm il-bżonn kbir għal kulħadd, żgħar u kbar, li nifakru fir-rigal li tana Alla, li ried jibqa’ magħna.

Il-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin iġġibilna l-memorji tal-Milied tat-tfulija tagħna. Imma hi iktar minn tifkira tal-imgħoddi. J’Alla tgħinna biex inżommu l-misteru tal-Inkarnazzjoni fil-moħħ u fil-qalb tagħna.

Minn Joe Galea

%d bloggers like this: