L-Imqaddsa Verġni Marija Omm Alla

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Lq 16-21)

  1. X’hemm aħjar milli nibdew is-sena ġdida jekk mhux bil-barka t’Alla?  Fil-Bibbja tissemma din il-barka sitt mija u sbatax-il darba, e.g. “Il-Mulej ibierkek, jipproteġik u jtik il-paċi.”  Meta Alla ħalaq il-ħut u l-annimali l-oħra kollha, qalilhom: “Welldu u oktru!”  Mela l-barka tfisser tagħti l-ħajja.  Meta missier ibierek lil ibnu, jew xi ħadd ibierek lil xi ħadd ieħor, ikun qed jixtieqlu ħajja tajba, saħħa u kull ġid ieħor.  Bil-maqlub, is-saħta teskludi lil misħut mis-soċjeta’ u tqiegħdlu ħajtu fil-perkilu, e.g. meta Lhudi kien ikun misħut u eżiljat fid-deżert.
  2. Il-Liturġija tiddedika llum lil Marija Santissima Omm Alla.  Nirrikorru lejha għaliex kienet Hi li tatna lil Ġesu’, is-Sultan tal-paċi, biex taqlalna minn għandu paċi għal kull ġens u poplu f’kull tarf tad-dinja, u sabiex kulħadd ikollu sena ta’ grazzja, ħajja, saħħa u paċi.
  3. Kull sena bħal-lum niċċelebraw il-jum dinji tal-paċi, tat-talb, tal-interċessjoni kontinwa, tar-riflessjoni, tal-konverżjoni tal-qalb, u biex naħdmu għall-paċi bil-forzi tagħna kollha. Il-Papa Franġisku hu mħasseb ħafna fuq hekk. Ħa naraw x’għandu x’jgħidilna dwar il-paċi:
  4. “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ dawk li jwasslu l-paċi.  Nixtieq li kulħadd jgħin biex nimxu bit-tama li nibnu mill-ġdid it-tifrik tal-gwerer, għal ħajja ġdida, ħajja ta’ paċi.  Minkejja n-numru kbir ta’ sforzi mmirati għad-djalogu kostruttiv bejn in-nazzjonijiet, jinstama’ l-ħsejjes li jtarrxu tal-gwerer, fil-waqt li qed jinxtered il-mard bi proporzjon ta’ pandemiji.  Qed jiggravaw il-problemi tal-klima ambjentali, tal-ġuħ, u qed ikompli jiddomina l-mudell ekonomiku bbażat fuq l-egoiżmu u mhux fuq is-solidarjeta’.  Il-paċi hi rigal mis-sema u frott ta’ mpenn li jrid jiġi minn kulħadd, għax kull wieħed minna hu msejjaħ biex jieħu sehem fil-bini tal-paċi, billi jibda mill-qalb tiegħu u r-relazzjonijiet li għandu fil-familja, fis-soċjeta’, eċċ.  Hemm tliet triqat li jwasslu għal vera paċi:  (a) id-djalogu bejn ġenerazzjoni u oħra, biex iwettqu l-proġetti li jaqsmu bejniethom;  (b) l-edukazzjoni bħala fattur ta’ liberta’, risponsabbilita’ u żvilupp;  (ċ)  ix-xogħol li jrid iwassal għal dinjita’ umana u sħiħa.  Tabbandunawx l-immigranti; għinuhom biex isibu xogħol diċenti.  Jiħtieġ nirbħu s-solitudni bid-djalogu, li jfisser tisma’, tikkonfronta, taqbel u timxi flimkien ma’ l-ieħor.
  5. Nappella lil kulħadd biex jimxi fuq dawn it-tliet triqat.  Nitolbu din il-grazzja lil  Ġesu’, il-Prinċep tal-paċi, u lil Marija, ir-Reġina u l-Edukatriċi tal-paċi.”
  6. Għaliex l-ebda gvern mhu qed jgħajjat kontra l-ħażna tal-armi u l-gwerer daqs il-Papa Franġisku?
  7. “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.”  Jiħtieġ li aħna wkoll nagħmlu bħal Marija wara li nisimgħu jew naqraw il-Kelma t’Alla, u nixtarru kull frażi f’dan il-qari, l-aktar f’dawn il-ġranet.  Dan jgħinna biex inwettqu t-tliet triqat li qalilna bihom il-Papa Franġisku.
%d bloggers like this: