Il-Vatikan ippubblika r-rit għall-Quddiesa tal-funeral għall-Papa Emeritu Benedittu XVI, li se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħamis fid-9.30am. Il-ktejjeb għall-Quddiesa huwa bbażat fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq ir-Rit tad-Dfin Nisrani ta’ Papa b’diversi modifiki.
Dan qalu Matteo Bruni, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, meta t-Tlieta kien qed jindirizza konferenza mal-ġurnalisti. Huwa qal li xi biċċiet mir-rit ġew miżjuda, filwaqt li oħrajn aktar rilevanti għall-mewt ta’ Papa li jkun għadu jmexxi, tneħħew. Bħala eżempju, qal li tneħħew is-suppliki għad-Djoċesi ta’ Ruma u l-Knejjes Orjentali.
Il-Papa Franġisku se jkun qed jippresiedi l-Quddiesa tal-funeral, jagħmel l-omelija u jiċċelebra r-Riti ta’ ‘Commendatio’ u ‘Veledictio’ (Rakkomandazjoni u t-Tislima tal-Aħħar). Is-silta tal-Evanġelju għal-liturġija se tkun meħuda minn San Luqa: kap 23, versi 39 sa 46; fejn Ġesù, mdendel mas-Salib, jgħid lil wieħed mill-irġiel ikkundannati miegħu, li se jkun il-Ġenna miegħu. L-aħħar kliem ta’ Ġesù: “Missier, f’idejk jien nerħ ruħi” – huma wkoll fis-silta. Dan il-kliem m’huwiex daqshekk differenti mill-aħħar kliem tal-Papa Emeritu Benedittu XVI: ‘Mulej, jiena nħobbok’.
Is-Sur Bruni ta wkoll dettalji tal-oġġetti li se jitpoġġew fit-tebut taċ-ċipress mal-mibki Papa Emeritus. Dawn jinkludu l-Pallju episkopali – l-pallju jissimbolizza l-ġurisdizzjoni ekkleżjali ta’ prelat u r-relazzjoni speċjali mal-Papa – kif ukoll il-muniti u l-midalji kommemorattivi li nħolqu waqt il-papat tiegħu, u l-att (‘rogito’ bit-Taljan), test miktub li jiddeskrivi l-pontifikat tiegħu, ssiġillat f’ċilindru tal-metall.
Fi tmiem il-Quddiesa tal-funeral, il-fdalijiet tal-ġisem mejjet tal-Papa Emeritu jittieħdu fil-Kripta ta’ taħt il-Bażilika ta’ San Pietru, fejn it-tebut tiegħu jitpoġġa ġewwa tebut ieħor taż-żingu, li mbagħad jitpoġġa ġewwa kaxxa tal-injam. Benedittu XVI se jindifen fil-qabar fejn San Ġwanni Pawlu II kien midfun qabel il-beatifikazzjoni tiegħu, skont l-aħħar xewqat tiegħu.
Il-mibki Papa Emeritu jinsab espost fil-Bażilika ta’ San Pietru, fejn il-fidili jistgħu jsellmu mis-7am sas 7pm tal-Erbgħa. Wara l-viżti, l-ġisem tiegħu se jitqiegħed fit-tebut ta’ ċipress bl-użu ta’ rit speċifiku. Sat-Tlieta filgħaxija, ‘l fuq minn 135 elf pellegrin kienu daħlu l-Bażilika biex isellmu lil Papa Benedittu XVI.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-01/pope-emeritus-benedict-xvi-requiem-mass-details.html