Minn Fr Philip Cutajar OFMCap
Kull Papa għandu l-istil tiegħu. Kull Papa jipprova jkun dak li hu minghajr tqanżiħ jew sforzi ta’ reċti. Kull Papa għandu l-ġesti tiegħu flimkien mall-vokabularju li juża kif jitkellem. Kull Papa għandu l-istil tiegħu saħansitra anke fil-ġesti li juża. Wieħed mill-ġesti li jolqot mhux biss lili imma lil kull min jinnotah, fil-Papa Franġisku huwa l-ġest tat-tgħanniq. Iħobb jgħannaq u ma jiddejjaqx iħallik tgħannqu. U jgħannaq wieħed wieħed, waħda waħda li jkun hemm quddiemu. Jiena, li għandi esperjenza ta’ 12-il-sena ngħix f’kultura Amerikana Latina , nista’ ngħid li dan joħroġ ukoll frott din il-kultura. Kultura li aħna l-Maltin, bħala latini, għandna xi ftit minnha. Fejn Papiet oħra kienu jippreferu jieħdu b’idejn dak li jkun, rari jgħannqu lil dak li jkun, imma Papa Franġisku t-tgħanniq tal-persuna huwa l-ġest komuni u normali tiegħu.
Ma’dan il-ġest tat-tgħanniq jaffaxxinak ukoll il-kliem li juża, kliem sempliċi li jużah kulħadd, imma meta tisimgħu ħiereġ minn fomm Papa jmisslek qalbek u tħossu aktar viċin tiegħek. Tinnota r-reazzjoni tal-eluf ta’ nies miġbura fil-pjazza ta’ San Pietru ġewwa l-Vatikan meta l-Papa Franġisku jgħidilhom: “Fratelli e sorelle, buonasera”.
IT-TGĦANNIQ BĦALA ĠEST U VOKABOLARJU
Niftakru lill-Papa Franġisku fl-ewwel quddiesa pubblika tiegħu fil-paroċċa ta’ Santa Anna fil-Vatikan, fl-omelija tiegħu jispikka l-vokabolarju meta jitkellem u għid: “Il-messaġġ ta’ Ġesù huwa l-ħniena. Għalija, ngħidu bl-akbar umiltà, dan huwa l-messaġġ l-aktar qawwi ta’ Ġesù”. U filwaqt li jagħmel refernza għar-rakkont tas-silta tal-Evanġelu tal-adultera, Bergoglio jikkonċentra fuq l-azzjonijiet ta’ Ġesù: “Huwa jinsa’, Huwa għandu l-kapaċità li jinsa’. Jinsa’ dnubietek, jbusek, jgħannqek u jgħidlek biss: ‘Lanqas jien ma nikkundanak, mur u millum ‘l quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8,11).
F’dan is-sens it-tgħanniqa ma tibqax biss mod ta’ kif issellem persuna oħra, imma tinbidel f’balzmu li jfejjaq il-feriti. Interessanti kif għandna wkoll studji ta’ livel psikopedagoġiku li jgħidulna dan, jiġifieri li tgħanniqa għandha l-qawwa li tfejjaq feriti u weġgħat saħansitra anke mard mhux biss fuq it-tfal imma anke fuq l-adulti.
IT-TGĦANNIQA: ESPRESSJONI TAL-IMĦABBA TA’ ALLA GĦALIK
Imma t-tgħanniq li jitkellem minnu l-Papa Franġisku, u mhux biss, imma anke jwettqu hu personalment, imur aktar lil hinn min hekk. It-tgħanniq li jitkellem minnu l-Papa Franġisku huwa l-espressjoni u l-kontinwazzjoni tat-tgħanniq ta’ Ġesù li jfejjaq il-feriti tad-dnub u joħloq rikonċiljazzjoni ta’ mħabba u ħbiberija ma’ Alla. Dan l-għemil ħafna jsejjħulu bħala l-KRISTU-TERAPIJA li Bergoglio kien jeżerċitah għadu isqof u kardinal ġewwa l-Arġentina mall-fqar, il-morda u l-emarġinati. Bħala Kardinal f’omelija li kien għamel kien stqarr li “l-morali kristjana għandha dejjem tkun mibnija fuq it-tweġiba tagħna għat-tgħanniqa tal-Ħniena ta’ Kristu”. “Din hija l-ħniena sorpriża ta’ Alla għalina, il-ħniena imprevidibbli, umanament mhix ġusta għaliex li meta wieħed jkun jafni u jaf it-tradimenti tiegħi u jibqa’ jħobbni, ma jieqafx jgħannaqni miegħu, jkomplI jirrispetanI u jixtiqli l-ġid, jerġa’ jsejjaħli u jibqa’ jistennieni, umanament diffiċli tifimha u taċċetha. Imma din hija r-revoluzzjoni tal-morali Kristjan, mhix kwstjoni li taqa’ u tidneb imma aktar li tqum u tikkonverti frott l-imħabba u t-tgħanniqa ta’ Alla għalik”.
SINJAL TA’ ĦNIENA
Mhux għal xejn li l-parabbola hekk imsejjħa tal-iben il-ħali hija għall-Papa Franġisku l-parabbola programatika tal-pontifikat tiegħu sa mll-bidu, sa mill-omelija li tana fil-quddiesa tal-inawgurazzjoni għall-ħidma pastorali tiegħu bħala s-suċċessur ta’ San Pietru. Dak innhar qalilna: “Lili sa minn dejjem kienet timpresjonani l-parabbola tal-Missier ħanin, timpresjonani għaliex dejjem nisslet fija tama kbira. Naħsbu ftit dwar dak l-iben iż-żgħir li kien qed jgħix fid-dar tal-Missier, kien maħbub, imma madanakollu ried il-parti tiegħu mill-wirt, telaq mid-dar u berbaq kollox, wasal f’livell tant baxx, bil-ġuħ, jirgħa l-ħnieżer. Hawnhekk iħoss nostalġija għal dar Missieru u jiddeċiedi li jmur lura. Il-Missier bl-akbar paċenzja u mħabba, mimli tama u ħniena qatt ma waqaf jaħseb fih, u hekk kif lemħu mill-bogħod mar jiġri jiltaqa’ miegħu u għannqu bl-akbar ħlewwa, il-ħlewwa ta’ Alla, mingħajr l-ebda ċanfira …dan reġa’ ġie lura, kien mejjet u qam. F’dik it-tgħanniqa tal-missier lil ibnu hemm il-qofol tal-ferħ kollu: reġa’ ġie lura!”
DIN HIJA S-SEJĦA TAGĦNA – IS-SEJĦA TAL-KNISJA
Dawn ir-riflessjonijiet imnebbħa mill-ġesti, mill-kitbiet u mid-diskorsi tal-Papa Franġisku xtaqt naqsamhom magħkom, li ssegwu l-kontribut tiegħi fil-laikos, propju wara l-erba’ artikli / katekeżi li ktibt dwar il-maħfra. Huma kumplementarji. Il-maħfra tagħna lil xulxin li ssib il-quċċata tagħha fil-ferħ tat-tgħanniqa tagħna bejnietna, ma’ dawk li darba kienu għedewwa tagħna, ma’ dawk li darba weġġgħuna. Dawn ir-riflessjonijiet dwar il-valur u tifsir mistiku spiritwali tat-tgħanniqa ta’ Alla mall-bniedem u tat-tgħanniqa tal-bnedmin bejniethom xtaq naqsamhom magħkom propju fil-bidu ta’ sena ġdida meta eżattament fl-ewwel jum tas-sena ċċelebrajna JUM IL-PAĊI. Dan hu l-awguri tiegħi mhux biss għas-sena l-ġdida li qed nagħtu bidu għaliha imma wkoll għall-ħajjitna kollha: li ma nieqfux ngħannqu lil xulxin frott l-imħabba u l-maħfra tagħna lejn xulxin. Din hija l-missjoni tal-Knisja, din is-sejħa tiegħi u tiegħek għeżież ħija u oħti. Kristu twieled sabiex jgħannaq l-umanità ma’ Alla il-Missier u meta miet imsallab fuq is-salib, fetaħ idejha beraħ sabiex għal darb’oħra jgħannaq l-univers miegħu u b’hekk jagħmilna ulied Alla.
IS-SENA T-TAJBA LIL KULĦADD
INĦALLU LI DIN IS-SENA
TKUN TGĦANNIQA KONTINWA TA’ MĦABBA
MA’ ALLA U LEJN XULXIN!