Requiem għal Benedittu XVI

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, madwar ħamsin elf ruħ imlew Pjazza San Pietru biex jiċċelebraw il-ħajja tal-Papa Emeritu Benedittu XVI.

Il-mewt tal-Papa Emeritu, ġabet fi tmiemha kważi għaxar snin ta’ żewġ Papiet (emeritu u dak preżenti), jgħixu l-Vatikan fl-istess ħin. Ir-riżenja ta’ Benedittu fl-2013 kienet l-ewwel waħda f’aktar minn 600 sena, u l-funeral tiegħu li sar il-Ħamis 5 ta’ Jannar, kien l-ewwel f’aktar minn 200 sena li fih Papa renjanti bierek il-ġisem tal-predeċessur tiegħu qabel id-difna.

Il-folla ċapċpet hekk kif ir-reffiegħa ħarġu bit-tebut taċ-ċipress ta’ Benedittu mill-Bażilika ta’ San Pietru miksija biċ-ċpar u poġġewh quddiem l-artal fil-pjazza ta’ barra. Il-Papa Franġisku mbagħad fetaħ is-servizz b’talb u għalaq billi bierek solennament t-tebut sempliċi – imżejjen biss bl-arma tal-ex Papa.

Kapijiet ta’ stat u familji reali, kleru minn madwar id-dinja u eluf ta’ nies regolari attendew għaċ-ċerimonja. Attendew ukoll bosta pellegrini mill-Bavarja, iz-zona minn fejn kien Joseph Ratzinger u libsu l-libsa tradizzjonali, inklużi kowtijiet tas-suf mgħollijin biex iħarishom mis-sirda ta’ filgħodu.

Fuq xewqa tal-Papa Benedittu, ġew mistiedna biss id-delegazzjonijiet tal-Italja u l-Ġermanja; iżda kien hemm diversi mexxejja oħra li ġew fil-“kapaċità privata” tagħhom. Dawn kienu jinkludu diversi kapijiet ta’ stat, mill-inqas erba’ Prim Ministri u żewġ delegazzjonijiet ta’ rappreżentanti rjali. Barra minn hekk, għadd ta’ patrijarki ngħaqdu ma’ 125 kardinali fis-siġġijiet tal-ġenb tal-artal, u l-Knisja Ortodossa Russa bagħtet il-mibgħut barrani tagħha. Fost dawk li attendew kien hemm ukoll l-Arċisqof Georg Gaenswein, Segretarju personali tal-Papa Benedittu li qabel bdiet iċ-ċerimonja poġġa l-ktieb tal-Evanġelju u li tħalla miftuħ fuq it-tebut.

Fi tmiem il-funeral fi Pjazza San Pietru, xi nies għajtu bit-Taljan “Santo Subito!”, billi rrepetew il-frażi li kienet ġiet esklamata minn ħafna nies fil-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-2005. Fit-tmiem taċ-ċelebrazzjoni, kien hemm xena emozzjonanti, meta l-Papa Franġisku resaq lejn it-tebut ta’ Benedittu li kien qed jinġarr għad-difna privata, baxxa rasu fit-talb sieket u mess it-tebut.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-francis-pope-emeritus-benedict-xvi-funeral-requiem-mass.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading