Il-Papa jitlob għall-Ukrajna hekk kif il-Knejjes tal-Lvant qed jiċċelebraw il-Milied

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif il-Knejjes Insara li jsegwu l-kalendarju Ġiljan, qed jippreparaw biex jiċċelebraw il-Milied fis-7 ta’ Jannar, il-Papa Franġisku, waqt l-Angelus tal-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, esprima x-xewqat it-tajba tiegħu lill-Kattoliċi tar-rit tal-Lvant u lill-Insara Ortodossi. “B’mod speċjali, nixtieq nibgħat tislijiet lil ħutna l-poplu Ukren li għaddej minn martirju”.

Aktar minn 65% tal-Ukreni huma Ortodossi u 9% oħra jappartjenu għall-Knisja Kattolika Griega tal-Ukrajna, dan skont stħarriġ li kien sar miċ-Ċentru Razumkov fl-2018. Il-Papa żied it-tama tiegħu li ċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tal-Mulej tista’ tħeġġeġ passi lejn il-paċi.

“Jalla t-twelid tas-Salvatur iġib faraġ u tama, u jispira passi konkreti li jistgħu finalment iwasslu għat-tmiem tal-ġlied u għall-paċi. Jalla nitolbu spiss għall-Ukrajna u għall-paċi.”

Intant, il-Papa Franġisku nnota wkoll li l-festa tal-Epifanija timmarka wkoll il-Jum Dinji Missjunarju tat-tfal. Il-Knisja f’dan il-jum tagħraf lit-tfal huma aġenti tal-evanġelizzazzjoni bil-mod uniku tagħhom, u għandhom jingħataw id-dinjità li jixirqilhom biex jaqdu lill-Knisja bħala xhieda tal-Evanġelju.

“Insellem lit-tfal kollha f’kull parti tad-dinja li jxerrdu l-ferħ li jkunu ħbieb ta’ Ġesù u jimpenjaw tuħhom permezz tat-talb, tas-sagrifiċċji  l-offerti biex jappoġġjaw lill-missjunarji tal-Evanġelju”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-francis-ukraine-eastern-churches-christmas.html

%d bloggers like this: