KONĊELEBRAZZJONI SOLENNI B’SUFRAĠJU
TAL-PAPIET PAWLU VI U ĠWANNI PAWLU I
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru,
28 ta’ Settembru 1982
Ħuti u wliedi għeżież.
Madwar erbà snin ilu l-Papiet Pawlu VI u Ġwanni Pawlu I temmew il-jum terren tagħhom. Illum aħna qegħdin infakkruhom bl-istess qawwa ta’ qima u mħabba li biha segwejnihom fl-iżvolġiment tal-missjoni tagħhom oriġinali u bkejnihom fil-għabex tagħhom.
Il-passaġġ veloċi taż-żmien ma ħoloqx distanzi għall-konformità ħelwa ta’ moħħna u għat-trasport imqanqal ta’ qalbna.
Huwa, għalhekk li, f’din is-siegħa serja u sollenni ta’ talb, aħna, fidili għad-drawwa ekkleżjali devota, qegħdin ninġabru fit-tifkira tal-figuri tassew ħelwin tagħhom: xbihat għeżież ta’ Papiet, li jilħquna bid-dawl tal-istatura spiritwali għolja tagħhom u bil-leħen ta’ djalogu li qatt ma għaraf interruzzjonijiet.
Jien grat lejn il-Mulej b’mod profond talli ikkonċedili li nhar il-Ħadd li għadda żort il-postijiet tal-oriġni ta’ Pawlu VI u li waqaft hemm bil-moħħ umli u anzjuż tal-pellegrin. Stajt b’dan il-mod nissodisfa ix-xewqa twila u mħeġġa li nesprimi, permezz ta’ att partikolarment sinifikasttiv ir-rabta żelanti u ma taqtax li tgħaqqadni mal-predeċessuri distinti tiegħi, li tagħhom assumejt l-isem, f’kontinwità ideali ta’ premura u programmi pastorali.
Il-Papa Ġwanni Pawlu I, imsejjaħ f’salt wieħed għall-eternità meta kien għadu biss fit-tbexbix tal-ministeru pontifikali tiegħu ħallielna patrimonju għani ta’ eżempji u ta’ tagħlim, trażmessi b’dik l-immedjatezza singulari ta’ lingwaġġ u ta’ ġesti, li ppermettewlu li jippenetra minnufih fl-intimu tal-qlub u jirbaħhom.
‘Il hemm mill-qosor kronoloġiku skonċertanti, il-pontifikat tiegħu baqà punt obligatorju ta’ riferenza fl-itinerarju promettenti u fatikuż, li l-Knisja tinsab għaddejja minnu f’din il-parti ta’ seklu, li tissenjalizza it-tielet millenju nisrani.
Bħalma fakkart fis-26 ta’ Awissu 1979 waqt li kont qed niċċelebra l-Ewkaristija fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja parrokkjali ta’ Canale d’Agordo – opportunament imsemmija pjazza Papa Albino Luciani – dak il-meqjum u maħbub Papa tana tagħlim ta’ valur fundamentali, dwar l-imħabba lejn il-Knisja, lejn Kristu Mulej, lejn Alla Missier (cf. Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II, 2 [1979] 168 ss).
Ta’ veru mgħallem fl-arti kateketika, huwa offra lil kulħadd formula oriġinali ta’ veritajiet kbar tal-fidi nisranija, billi għamel għal dan rikurrenza għall-“għajnuna” tat-tfal, għaliex it-tfal huma l-maħbubin ta’ Ġesù, u għaliex il-Vanġelu jesiġi minn kulħadd, b’kondizzjoni essenzjali, li biex nidħlu fis-saltna tas-smewwiet, irridu nimpenjaw ruħna biex nerġgħu nsiru tfal (cf. Mt 18, 3).
B’tali spontanjetà il-“Papa Katekista” ta’ min iħobbu għamel li jilħaq il-kuxjenzi l-messaġġ perswassiv tiegħu, kollu mimli b’dak l-għerf tal-umli, li huwa parti xejn traskurabbli tal-wirt spiritwali tiegħu.
Waqt li issa nassoċjaw it-tifkira tiegħu ma’ dik ta’ Pawlu VI li lejh kien tant miġbud, ejjew ngħollu talbna lil Alla, waqt li niżżuh ħajr għall-eżempji ta’ fedeltà għal Kelmtu u ta’ servizz għall-Knisja, li dawn iż-żewġ Papiet ħallewlna u billi nitolbuh, fl-istess ħin, biex jgħinna nsegwu t-tagħlim tagħhom.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb