Life Network Foundation tħabbar 7 appartamenti residenzjali ġodda għan-nisa u t-tfal

Print Friendly, PDF & Email

Life Network Foundation, l-entità impenjata għall-protezzjoni u t-tisħiħ tan-nisa u t-tfal, ħabbret il-kisba ta’ seba’ appartamenti residenzjali ġodda matul il-Life Week 2023. Dawn l-appartamenti ġew imfassla biex jgħinu u jsaħħu lill-ommijiet u wliedhom li jkunu qattgħu żmien jgħixu f’Dar Tgħanniqa ta’ Omm mat-trabi tat-twelid tagħhom, u li issa huma lesti biex jagħmlu l-ewwel pass lejn ħajja indipendenti.

“L-esperjenza tagħna wriet li pass ċkejken lejn għixien kompletament indipendenti jagħti lill-ommijiet u lil uliedhom l-aħjar opportunità ta’ futur b’saħħtu u indipendenti,” qalet Christie Zammit, l-Uffiċjal Amministrattiv ta’ Dar Tgħanniqa ta’ Omm. “L-għan ta’ dawn l-appartamenti huwa li jgħinu lil dawn in-nisa waqt li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom jew jidħlu f’impjieg full-time.”

L-appartamenti se joffru lill-ommijiet l-opportunità li jistudjaw jew jaħdmu waqt li jibqgħu joqogħdu hemm sa tliet snin. Is-seba’ appartamenti ġew akkwistati u din il-ġimgħa qed jibdew xogħlijiet ta’ tisbiħ. It-tama hija li jkunu disponibbli biex jilqgħu l-ewwel residenti sa Mejju 2023.

“Life Network huwa impenjat li jipprovdi ir-riżorsi meħtieġa min-nisa u t-tfal sabiex jirnexxu. Dawn l-appartamenti ġodda huma pass importanti lejn it-tisħiħ tan-nisa u l-kisba tal-indipendenza personali tagħhom,” qalet Dr Miriam Sciberras, ċ-Chairperson ta’ Life Network Foundation.

Il-Life Network Foundation bħalissa għaddejja b’ħidma għal ġbir ta’ fondi bl-għan li sa nhar il-Ħadd 22 tiġbor €50,000 għall-ħidma tagħha li tissarraf f’appoġġ, edukazzjoni u promozzjoni.

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading