Papa sejjer il-Kongo u s-Sudan t-Isfel mifnijin bil-ġlied

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku qed jipprepara biex jivvjaġġa lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan t-Isfel mifnijin bil-ġlied.

Waqt li wieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisit dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fiż-żewġ nazzjonijiet Afrikani li se jżur il-Papa Franġisku, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede qal li “m’hemm l-ebda theddida speċifika” fi kwalunkwe pajjiż. Matteo Bruni afferma wkoll li l-awtoritajiet lokali poġġew il-miżuri ta’ sigurtà biex jiggarantixxu s-sigurtà ta’ kulħadd.

It-Tlieta filgħodu, Matteo Bruin kien qed jagħmel briefing tal-vjaġġ pre-appostoliku u li fih ta ħarsa dettaljata taż-żjara tal-Papa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan t’Isfel, żjara li kien mġiegħel jipposponi f’Lulju li għadda minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa. Huwa nnota li l-Qdusija Tiegħu se jżur ir-RDK mill-31 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar, imbagħad iqatta jumejn fis-Sudan t’Isfel mal-Arċisqof ta’ Canterbury u l-Moderatur tal-Assemblea Ġenerali tal-Knisja tal-Iskozja f’pellegrinaġġ ekumeniku għall-paċi qabel jirritorna lejn il-Vatikan.

Dan il-vjaġġ, żied jgħid Bruni, se jkun l-40 vjaġġ appostoliku tal-Papa Franġisku barra mill-Italja. Fil-konklużjoni tiegħu, se jkun żar 60 pajjiż. Huwa se jmur il-Kongo fuq il-passi tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, li żar in-nazzjon fl-1980 u fl-1985. Dakinhar kien pajjiż differenti ħafna, spjega d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa, li kien eks-kolonja Belġjana msejħa Zaire. Innota wkoll liż-żjara tal-Papa Pollakk kienet l-ewwel vjaġġ papali fil-kontinent Afrikan minn meta l-Papa San Pawl VI żar l-Uganda fl-1969.

Għalhekk, żied jgħid, li din hija l-20 vjaġġ papali fl-Afrika, ir-raba’ għall-Papa Franġisku li mar il-Kenja, l-Uganda u r-Repubblika Ċentrali-Afrikana fl-2015, il-Marokk f’Marzu 2019, u aktar tard il-Możambik, il-Madagaskar u Mawrizju fl-istess sena. L-Afrika, kompla Matteo Bruni, hija fejn jgħixu madwar 20% tal-Kattoliċi tad-dinja, u dak il-perċentwal dejjem qed jiżdied. Huwa għamel ħin jiddeskrivi l-vitalità tal-Knisja Kattolika fl-Afrika, l-għadd kbir ta’ żgħażagħ Kattoliċi, u enfasizza kif il-Papa Franġisku jiddedika ħafna mill-ħsieb u talb tiegħu lil dan il-kontinent kif jixhdu l-messaġġi, l-appelli u l-attenzjoni kostanti tiegħu.

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede spjega li saru xi tibdiliet fl-itinerarju oriġinali ppjanat tal-Papa fir-RDK, fejn kien skedat li jżur Goma, fit-Tramuntana ta’ Kivu, reġjun partikolarment mhux stabbli. Hekk kif il-vjolenza qed tkompli teqred partijiet tal-provinċja, dik il-waqfa ġiet imneħħija. “Mhux għax kien qed jibża’ għalih innifsu”, qal Bruni, imma għax ried ikun ċerti li ħadd ma jkun f’riskju ta’ attakki waqt li jkunu miġbura biex jaraw lill-Papa jew waqt li qed jiċċelebraw il-Quddiesa miegħu.

Il-Papa Franġisku ilu jixtieq li jivvjaġġa lejn is-Sudan t’Isfel, prinċipalment Kristjan, iżda s-sitwazzjoni instabbli fil-pajjiż kellha pjanijiet ikkumplikati għal din iż-żjara. Bruni fakkar fl-irtir spiritwali li ospita fil-Vatikan f’April 2019 għall-mexxejja tas-Sudan t’Isfel u l-awtoritajiet ekkleżjali tas-Sudan t’Isfel, li matulu kien niżel għarkubbtejh f’riġlejhom u talabhom biex jagħtu ċans lill-paċi u jkunu missirijiet denji tan-nazzjon.

Fl-2018, ġie ffirmat ftehim ta’ paċi, li temm gwerra ċivili ta’ ħames snin li nqatlu mal-400,000 ruħ. Iżda l-ġlied politiku, l-faqar, l-għedewwa etnika u t-tibdil fil-klima qed ikompli jeqirdu lin-nies li qed jiġu mifnija mill-ġuħ, mill-vjolenza u min-nuqqas ta’ governanza. Is-Sudan t’Isfel huwa l-iktar pajjiż li għandu popolazzjoni ta’ età żgħira.

Ara l-programm tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku …

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-01/pope-francis-apostolic-visit-drc-south-sudan-briefing-bruni.html

%d bloggers like this: