Il-Papa jirringrazzha lill-familji li se jospitaw żgħażagħ li se jipparteċipaw fil-WYD 2023

Print Friendly, PDF & Email

Wara l-messaġġ bil-vidjo tiegħu indirizzat il-ġimgħa li għaddiet liż-żgħażagħ li qed jippreparaw biex jipparteċipaw fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona, l-Papa Franġisku rringrazzja wkoll lill-familji Portugiżi li se jilqgħu fi djarhom liż-żgħażagħ li se jkunu qed jipparteċipaw f’din l-attività. Aktar minn 400,000 żagħżugħ minn madwar id-dinja diġa’ rreġistraw biex jieħdu sehem fil-WYD bejn l-1 u s-6 ta’ Awwissu 2023.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa rrimarka li meta se jilqgħuhom fi djarhom, mhux biss se juru ġenerożità, imma, l-aktar importanti, għax se jkunu miftuħin lejn nies ta’ kulturi oħrajn u lejn orizzonti ġodda. Huwa qal: “Dawn iż-żgħażagħ, żgur li se jġibu xi nkonvenjent u xogħol addizzjonali fid-djar tagħkom, iżda se jħallu żerriegħa ta’ perspettiva oħra, u se ‘jibdlu’ lil kull wieħed minnkom u l-ħafna ċertezzi li taħsbu li għandkom, li jġiegħlukom taraw li, f’postijiet oħra, l-affarijiet jistgħu jkunu differenti. ‘Se juniversalizzawkom’.”

“Iż-żgħażagħ jgħidu li l-aktar esperjenzi qawwija huma dawk tal-familji li laqgħuhom. U tibqa’ b’ċertezza li tistgħu tkunu Nsara b’mod differenti, b’kultura oħra, b’perspettiva oħra. Dan ifisser “universalizzazzjoni’, ftuħ għall-orizzont.”

Għalhekk il-Papa Franġisku rringrazzja lill-familji Portugiżi għall-ospitalità ġeneruża tagħhom, li qal, se tinvolvi sforz, iżda se tħalli wkoll “ħarsa lejn l-orizzont li jinsab lil hinn mil-limiti u l-konfini żgħar tagħna, kemm jekk huma ġeografiċi, kulturi jew spiritwali”.

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena se jkun it-38 minn mindu tnediet l-ewwel WYD mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1984 f’Ruma. L-aħħar wieħed sar fil-Panama fl-2019. Il-motto ta’ din is-sena huwa “Marija qamet u marret tħaffef”, meħud mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

Fil-messaġġ tiegħu lill-parteċipanti, l-Papa Franġisku esprima l-ferħ tiegħu li sar jaf li aktar minn 400,000 diġa’ rreġistraw. Filwaqt li nnota li l-WYD tiġbor flimkien nies minn bosta oqsma tal-ħajja u kulturi, ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jiftħu qlubhom għal dawk li se jiltaqgħu magħhom u għal orizzonti ġodda.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-thanks-families-hosting-youths-participating-in-wyd-2023.html

%d bloggers like this: