minn Manwel Cutajar
B’Tifkira u wisq aktar b’Tislima Nisranija ta’ radd il-ħajr lejn il-Papa Emeritu Benedittu XVI, qed nippreżenta xi siltiet mid-diskorsi li dan il-Papa għamel f’diversi okkażjonijiet dwar il-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija:
‘‘Għeżież żgħażagħ, il-hena li qegħdin tfittxu,il-hena li għandkom dritt tgawdu għandha isem u wiċċ: huwa Ġesù ta’ Nażaret, moħbi fl-Ewkaristija. Hu biss jagħti l-milja tal-ħajja lill-umanità! Ma’ Marija għidu l-‘iva’ tagħkom stess lil Alla, għax hu jixtieq jagħti Lilu nnifsu lilkom” (18 ta’ Awwissu,2005, XX Jum Dinji taż-żgħażagħ, f’Cologne).
“Fl-Ewkaristija Ġesù ma jagħtiniex “ħaġa”, imma lilu nnifsu; joffri Ġismu stess u jferra’ Demmu stess. B’hekk jagħtina t-totalità ta’ ħajtu u jikxef l-oriġini aħħarija ta’ din l-Imħabba. Hu l-Iben Eterna, mogħti lilna mill-Missier…
Il-Mulej Ġesù, li sar għalina ikel tal-verità u l-imħabba, jitkellem dwar id-don ta’ ħajtu u jassigurana li “jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż, jgħix għal dejjem”. Din il-“ħajja ta’ dejjem” tibda fina anke minn issa,grazzi għat-trasformazzjoni li ssir fina bid-don tal-Ewkaristija: ‘Min jiekol minni jgħix minħabba fija’ . Wara li nitmantnu bl-Imħabba Divina tal-Ewkaristija rridu nwassluha lid-dinja, jeħtieġ li nwasslu lil Kristu lil oħrajn.” (22 ta’ Frar 2007, fl-ittra Appostolika tiegħu “Sacramentum Caritatis”)
“….Punt li rridu naħsbu fih ukoll fi żmienna: jeżisti wkoll il-periklu li jitnaqqas ir-realiżmu Ewkaristiku,li nqisu, jiġifieri, l-Ewkaristija kważi biss bħala rit ta’ komunjoni, ta’ soċjalizzazzjoni, billi ninsew wisq faċilment li fl-Ewkaristija huwa verament preżenti Kristu Rxoxt – bil-Ġisem Tiegħu Rxoxt – u jpoġġi lilu nnifsu f’idejna biex jinkorporana fil-Ġisem immortali Tiegħu stess u jwassalna għal ħajja Ġdida…”
“…dan il-Misteru kbir li l-Mulej hu Preżenti fir-realtà kollha tiegħu fl-ispeċi Ewkaristika huwa misteru li tadura u tħobb….”
” …nirċievu l-Ewkaristija jfisser li naduraw lil Dak li nirċievu. B’hekk biss insiru ħaġa waħda miegħu, u ningħataw, bħallikieku, togħma minn qabel tas-sbuħija tal-Liturġija tas-sema.L-att ta’ adorazzjoni barra l-quddiesa jtawwal u jintensifika dak kollu li jseħħ waqt iċ-Ċelebrazzjoni Liturġika stess” (9 ta’ Diċembru 2009, Udjenza Ġenerali, Belt tal-Vatikan, Ruma.)
“L-Ewkaristja hija ċ-Ċentru u l-għajn permanenti tal-ministeru Petrin,il-qalba tal-Ħajja Nisranija, għajn u quċċata tal-missjoni ta’ Evanġelizzazzjoni tal-Knisja. Għalhekk, tistgħu tifhmu t-tħassib tas-Suċċessur ta’ Pietru għal dak kollu li jista’ joskura u jħawwad dan il-punt l-aktar essenzjali tal-Fidi Kattolika: li llum Ġesù Kristu jibqa’ ħaj u tassew Preżenti fl-Ostja kkonsagrata u fil-Kalċi.” (15 ta’ April 2010, laqgħa ‘ad Limita’ fis-Santa Sede lill-Isqfijiet Brażiljani mir-Reġjun tat-Tramuntana).
Fl-aħħarnett,dan hu l-aħħar u l-iqsar diskors li l-Papa għamel fuq is-sodda tal-mewt tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2022 fit-3.00 a.m. bi stqarrija solenni tal-imħabba tiegħu lejn l-Mulej:
”Sinjore, ti amo!” (“Mulej, inħobbok!”)
Il-Papa Emeritu Benedittu XVI baqa’ sal-aħħar nifs ta’ ħajtu jgħallimna bi kliemu u b’għemilu!