L-Ewkaristija fil-garża tat-tut u mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Il-Mirakli Ewkaristiċi fis-seklu Sittax.

 Il-Miraklu f’Salzano, l-Italja

Dal-Miraklu seħħ f’Salzano, l-Italja, fl-1517. Dun Francesco Artuso ġie mitlub biex imur iqarben moribond.Peress li l-temp u l-ħin ma kinux jippermentu li jsir Vjatku solenni bil- purċissjoni,kif komunement kien isir f’dak iż-żmien,is-saċerdot kellu jieħu l-Ewkaristija għand il-moribond akkumpanjat biss minn tfajjel abbati.Imxew bis-Sagrament Imqaddes,u meta waslu ħdejn ix-xmara Muson,kien hemm diversi ħmir jirgħu fil-mergħat tal-madwar. Hekk kif raw lis-saċerdot ġej bl-Ewkaristija dawn il-ħmir niżlu għarkopptejhom b’qima lejn l-Ewkaristija u mbagħad segwew is-Sagrament sad-dar tal-moribond.Mill-ġdid reġgħu niżlu għarkopptejhom sakemm is-saċerdot daħal fid-dar tal-moribond. Wara li s-saċerdot qarben lill-moribond huwa flimkien mal-abbati telqu lura lejn il-knisja akkumpanjati mill-ġdid mill-ħmir sar-razzett tagħhom. Dal-Miraklu hu msemmi f’diversi dokumenti u kotba, fosthom dawk ta’ L.M. Gerola, P.Boccaro u P.Sanna Solaro.

Fil-knisja ta’ San Bartilmew f’Salzano hemm ukoll pittura li turi dal-Miraklu Ewkaristiku. 

Il-Miraklu ta’ Marseille-En-Beauvais,Franza

Fl-1532,lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru,ħallelin daħlu fil-knisja Parrokkjali  ta’ Marseille-En-Beauvais u serqu pissidi prezzjuż tal-fidda li fih kien hemm bosta Ostji kkonsagrati. Huma waddbu l-Ostji f’għalqa taħt blat kbir tul it-triq ewlenija. Sfortunatament mal-lejl hemmhekk kien hemm maltempata qawwija tas-silġ.L-għada,fl-ewwel Jum ta’ Jannar 1533 Jean Moucque kien miexi minn dik it-triq. Waqt li kien miexi,blata fil-ġenb tat-triq ġibdidlu l-attenzjoni,għax fuqha ma kinex hemm silġ.Meta għolla l-blata,baqa’  mistagħġeb hekk kif sab l-Ostji kkonsagrati mirakolużament f’kundizzjoni perfetta, kompletament intatti.  Mill-ewwel qal lill-kappilllan Patri Prothais,li akkumpanjat minn ħafna nies tal-parroċċa,mar iġib l-Ostji lura lejn il-knisja Parrokkjali. Wara tpoġġa salib fuq il-post fejn instabu l-Ostji. Minħabba li n-numru ta’ nies devoti li kienu jmorru hemm jitolbu kompla dejjem jikber eventwalment inbniet il-Kappella tal-Ostji Sagri. Jingħad li saru diversi mirakli f’dil-kappella. L-istoriku Pierre Louvet jiddeskrivi xi whud minn dawn il-Mirakli fil-ktieb tiegħu Histoire de la Ville de Beauvais. Fost dawn hemm l-istorja straordinarja tas-saċerdot Patri Jacques Sauvage, li fieq għalkollox mill-marda tiegħu tal-paraliżi li minħabba fiha kien tilef il-ħila li jitkellem. L-istess, ċertu d’Autreche li kien agħma mit-twelid beda jara. 

Minkejja dawn il-Mirakli kollha,l-Isqof-Konti ta’ Beauvais,Odet de Coligny,sar  Kalvinista  u żżewweġ lil Eliżabetta ta’ Hauteville.Iżda qabel ma rrinunzja pubblikament il-Fidi Kattolika tiegħu ordna li l-Ostji  jiġu kkunsmati.

Illum għadha wieqfa l-Kappella tal-Ostji Sagri u kull sena fit-2 ta’ Jannar issir quddiesa Solenni f’ġieħ dal-Miraklu Ewkaristiku.

Il-Miraklu ta’ Ponferrada,fi Spanja

Fl-1533,Juan De Benavente seraq mill-knisja t-tabernaklu,kontenitur sempliċi tal-injam,li fih kien hemm pissidi prezzjuż tal-fidda b’Ostji kkonsagrati fih. Ħarab mill-knisja u telaq lejn ix-xmara Sil biex jitfa’ it-tabernaklu fl-ilma,imma meta pprova jitfgħu fl-ilma ma setax minħabba li dat-tabernaklu sar f’daqqa waħda tqil ħafna. Għalhekk mar lura d-dar fejn ħeba kollox u ma qal xejn lil martu.Matul il-lejl bdew ħerġin raġġi ta’ dawl mit-tabernaklu.Għalhekk biex ma qajjimx suspett ta’ martu,Juan ħareġ billejl u mar f’Qasam Arenal u tefa’ t-tabernaklu bl-Ostji kkonsagrati f’nofs garża tat-tut. Ħdejn il-Qasam Arenal, is-sid tal-art, Diego Nuňez de Losada għamel riċeviment għal ħafna nies b’diversi logħob bil-qaws għal matul il-festi ta’ hemmhekk. Matul iż-żmien li l-Ostji Sagri damu fil-garża tat-tut il-mistednin li kienu preżenti għar-riċeviment bdew jaraw leħħeħ ta’ dawl billejl u gamiem stramb jtiru u jduru fuq il-post fejn kien hemm l-Ostji. Xi nies ippruvaw jolqtu l-gamiem bil-vleġeg tagħhom imma ħadd minnhom ma rnexxielu. It-taħħan Nogaledo iddeċieda mbagħad li jaqbad il-gamiem b’idejh u spiċċa biex daħal fil-garża tat-tut. Eventwalment, hemmhekk sab it-tabernaklu bl-Ostji Sagri.  Juan maħkum mir-rimors stqarr għemilu sagrilegu u nidem. L-Ostji kkonsagrat ġew meħuda lura il-Knisja b’purċissjoni Solenni. Fil-post fejn instabu l-Ostji inbniet kappella. Fis-sena 1570 il-kappillan ta’ hemmhekk ippjana biex ikabbar il-knisja u ta bidu għall-purċissjoni Solenni li ssir ta’ kull sena fit-tmien jum tal-Festa ta’ Corpus Christi  b’tifkira ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading