Biex insiru ħbieb ta’ Alla, il-mibki Papa Emeritu jissuġġerilna ftit drawwiet tajba li huma aċċessibbli u faċli biex tgħixhom.
Bogħod mir-ritratt li xi wħud għandhom f’moħħhom ta’ teologu maqtugħ mir-realtajiet tal-ħajja, Benedittu XVI kellu viżjoni ċara ħafna tad-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum biex jgħix il-preżenza ta’ Alla.
F’omelija tal-Avvent fl-2009, innota: “Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ilkoll nesperjenzaw kemm ftit għandna ħin għall-Mulej u mqar għalina nfusna. Nispiċċaw ninxtorbu f’dak li ‘nagħmlu’”. Min minna ma għaddiex minn perjodi fejn l-għadd ta’ affarijiet li hemm bżonn isiru jkun wisq għalina u ma nibqgħux insibu żmien jew id-disponibbiltà tal-ħsieb għal dak li hu tassew essenzjali?
Imma x’inhu l-essenzjal?
Għal Benedittu XVI, hija l-laqgħa ma’ Kristu.
“Li tkun Nisrani mhux xi riżultat ta’ għażla etika jew xi idea għolja, imma l-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ persuna, li tagħti l-ħajja lil xefaq ġdid u direzzjoni deċiżiva”, kiteb fl-ewwel Enċiklika tiegħu, Deus caritas est.
Il-fidi hi fuq kollox relazzjoni, laqgħa ma’ Alla. Id-direzzjoni ġdida deċiżiva hi li nsiru qaddisin. U l-mod kif nimxu ’l quddiem fit-triq tal-qdusija hu billi nqattgħu ħin ma’ Kristu b’mod regolari, billi nħallu lilna nfusna ninħatfu fi mħabbtu: “Meta tidħol fi ħbiberija ma’ Alla, f’ħajtek kollox jibda jinbidel. Iktar ma ssir tafu aħjar, issib li f’ħajtek tkun trid tirrifletti xi ħaġa mit-tjieba infinita tiegħu”, qal f’diskors lill-għalliema u r-reliġjużi fl-Università ta’ Twickenham, ir-Renju Unit, 17 ta’ Settembru 2010.
U biex insiru ħbieb ma’ Alla, Benedittu XVI jirrakkomanda ftit drawwiet li huma pjuttost aċċessibbli u ħfief biex ngħixuhom.
- Darbtejn kuljum, fittex ftit kuntatt ma’ Alla
Kull relazzjoni tmut jekk ma ssibx xi jmantniha. Dan jgħodd għall-koppji, il-familji, u l-ħbieb, imma wkoll għal mal-Mulej. Għalhekk Benedittu XVI qal: “Dan ifisser li qatt m’għandna nibdew jew nispiċċaw ġurnata mingħajr tal-inqas ma jkollna ftit kuntatt ma’ Alla”. Mhux neċessarjament talba, imma mqar ħsieb, ġest mill-qalb, kelma ta’ tifħir jew gratitudni, fil-bidu u fit-tmiem tal-ġurnata.
- Kull filgħodu, irringrazzja lill-Mulej għad-don tal-fidi
Fl-aħħar udjenza ġenerali tas-27 ta’ Frar 2013, Benedittu XVI qasam talba qasira imma sabiħa u ħeġġiġna biex ngħiduha kuljum filgħodu biex nesprimu mħabbitna lejn il-Mulej u biex irroddulu ħajr għad-don tal-fidi. Din hi t-talba: “Nadurak, Alla tiegħi, u nħobbok b’qalbi kollha. Nirringrazzjak li ħlaqtni u għamiltni Nisrani”. Għal Benedittu XVI, id-don tal-fidi hu “l-aktar ġid prezzjuż li għandna, li ħadd ma jista’ jeħodhulna”!
- Ta’ kuljum, sib opportunità biex tifraħ
“Hemm xenqa għall-ferħ tiġri fil-qalb ta’ kull bniedem”, qal Benedittu XVI fis-27 Jum Dinji taż-Żgħażagħ fl-2012. “Iktar minn sentimenti immedjati ta’ sodisfazzjon li jgħaddi, qlubna qed ifittxu ferħ perfett, sħiħ u li jibqa’, li kapaċi jagħti ‘togħma’ lill-ħajja tagħna”. Biex niggustawh, irridu naraw x’inhuma dawk l-affarijiet sempliċi ta’ ferħ li l-Mulej qed joffrilna. Benedittu XVI jurina xi raġunijiet għaliex għandna nifirħu:
“…il-ferħ tal-ħajja, il-ferħ li naraw il-ġmiel tan-natura, il-ferħ ta’ biċċa xogħol magħmula tajjeb, il-ferħ li tgħin lill-oħrajn, il-ferħ ta’ mħabba sinċiera u pura. Jekk inħarsu mill-qrib, nistgħu naraw bosta raġunijiet oħra biex nifirħu. Fil-ħajja tal-familja hemm żminijiet ta’ ferħ, ħbiberija kondiviża, l-iskoperta tat-talenti tagħna, is-suċċessi tagħna, il-kumplimenti li nirċievu mill-oħrajn, il-ħila li nesprimu lilna nfusna u li nkunu nafu li aħna mifhuma, u s-sentiment li nkunu kapaċi ngħinu lill-oħrajn”.
- Kull nhar ta’ Ħadd, niltaqgħu ma’ Kristu fl-Ewkaristija
“Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51). B’wegħda ta’ Kristu nnifsu, kull ċelebrazzjoni Ewkaristika sagramentalment tagħmel preżenti d-don li Ġesù jagħtina tal-ħajja tiegħu. Huwa għalhekk li, għal Benedittu XVI, “l-essenzjal ifisser li ma tħalli qatt jum tal-Ħadd jgħaddi mingħajr laqgħa ma’ Kristu Rxoxt fl-Ewkaristija; din mhix xi tagħbija żejda, imma dan hu dawl għall-ġimgħa kollha”.
- Ta’ kuljum, innota xi sinjal minn Alla
Fl-2009, Benedittu XVI kien favur l-idea ta’ “ġurnal tal-punti”, djarju li fih inniżżlu s-sinjali li jibagħtilna Alla. L-iskop hu li nsiru konxji u nżommu nota ta’ kemm Alla hu attent lejn kull ħlejqa tiegħu u kemm iħobbna. “Il-ġrajjiet individwali tal-ġurnata huma ħjiel li qed jagħtina Alla, sinjali tal-attenzjoni li għandu għal kull wieħed u waħda minna. Kemm drabi Alla jagħtina ħjiel ta’ mħabbtu! Li wieħed iżomm, biex ngħidu hekk, ‘djarju intern’ ta’ mħabbtu tkun ħaġa sabiħa u siewja fil-ħajja!”, qal.
- Nikkontemplaw opri tal-arti
Bħala mużiċista u ammiratur tal-mużika, Benedittu XVI esperjenza kif il-ġmiel iwassal għal għand Alla. F’udjenza ġenerali f’Awwissu 2011, hu qal kemm kunċert ta’ Bach f’Munich kien messlu qalbu: “Fi tmiem l-aħħar passaġġ, waħda mill-Kantati, ħassejt, mhux bir-raġuni imma fil-profond ta’ qalbi, li dak li smajt kien ikkomunikali l-verità, il-verità tal-ogħla kompożitur, u wassalni biex irrodd ħajr lil Alla”. Il-via pulchritudinis, it-“triq tal-ġmiel”, hi waħda mit-toroq li jistgħu jwasslu għand Alla u jgħinuna niltaqgħu miegħu.
“Hemm espressjonijiet artistiċi li huma tassew toroq lejn Alla, l-ogħla Ġmiel, u li jgħinuna wkoll nikbru fir-relazzjoni tagħna miegħu, fit-talb”, jgħid Benedittu XVI. “Dawn huma x-xogħlijiet li nibtu mill-fidi u jesprimu l-fidi. Nistgħu nilmħu eżempju ta’ dan meta nżuru katidral Gotiku: aħna ninħakmu mil-linji vertikali li jogħlew lejn is-sema u jerfgħulna ħarsitna u l-ispirtu tagħna”, jew meta nisimgħu xi biċċa mużika sagra “li tmiss il-kordi ta’ qalbna” u “l-moħħ tagħna, biex ngħidu hekk, jitwessa’ u b’mod naturali jdur lejn Alla”.
- Ingawdu l-mumenti umoristiċi tal-ħajja
F’intervista pjuttost personali bi tħejjija għall-vjaġġ appostoliku tiegħu fil-Bavarja f’Settembru 2006, Benedittu XVI enfasizza l-importanza li wieħed ma jiħux lilu nnifsu wisq bis-serjetà u li jkun jaf igawdi l-ferħ ċkejken tal-ħajja: “Jiena m’iniex wieħed li l-ħin kollu jaħseb fiċ-ċajt. Imma naħseb li hu importanti ħafna nkunu kapaċi naraw in-naħa umoristika tal-ħajja u d-dimensjoni tagħha ta’ ferħ u ma niħdux kollox wisq traġikament”. U jikkonkludi: “Wieħed kittieb darba qal li l-anġli jistgħu jtiru għax ma jiħdux lilhom infushom b’wisq serjetà. Forsi, kieku ma naħsbux li aħna daqshekk importanti, intiru xi ftit”.
- Sejjaħ iktar spiss lill-qaddisin
Benedittu XVI kellu devozzjoni kbira u fiduċja fil-qaddisin, “dawn l-irġiel u nisa li bil-fidi tagħhom, bl-imħabba tagħhom, u bil-ħajja tagħhom kienu dawl għal tant ġenerazzjonijiet, kif inhuma għalina wkoll”, qal. Fil-Quddiesa inawgurali tal-pontifikat tiegħu fl-24 ta’ April 2005, hu fada lilu nnifsu f’idejn ix-xirka kbira tal-qaddisin: “Il-qaddisin kollha ta’ Alla qegħdin hemm biex jipproteġuni, biex iweżnuni u biex jerfgħuni”.
Hu jistieden lill-imgħammdin kollha biex jagħmlu l-istess, b’mod iżjed speċifiku billi “jimxu fuq l-eżempju tagħhom, ifittxu l-interċessjoni tagħhom, jidħlu fil-komunjoni magħhom. Għax hu jgħid (jikkwota l-Lumen gentium) li “l-ħbiberija tagħna mal-qaddisin tgħaqqadna ma’ Kristu, li minnu, bħal mill-għajn u r-ras tagħhom, toħroġ kull grazzja u l-ħajja tal-Poplu ta’ Alla nnifsu”.
- Sib ħin għas-skiet
Minkejja l-ħajja mgħaġġla, Benedittu XVI jistedinna biex infittxu mumenti regolari ta’ skiet, triq żgura biex niltaqgħu ma’ Alla, spazju fejn inħallu “l-ferħ, it-tħassib, it-tbatija” jitkellmu, ħin essenzjali biex nagħżlu x’inhu importanti minn dak li hu bla siwi jew koinċidentali. “Ma nistagħġbux li tradizzjonijiet reliġjużi differenti jqisu s-solitudni u s-skiet bħala sitwazzjonijiet ipprivileġġjati li jgħinu lin-nies jiskopru mill-ġdid lilhom infushom u dik il-Verità li tagħti tifsira lil kollox”, innota fil-Messaġġ tiegħu għas-46 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali f’Mejju 2012. “Jekk Alla jkellimna wkoll fis-skiet, aħna min-naħa tagħna fis-skiet niskopru l-possibbiltà li nitkellmu ma’ Alla u dwar Alla”.
miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard