Minn Edward Tagliaferro
Hemm leġġenda li tgħid li fi żmien meta r-Rumani kienu jsallbu lill-kriminali, il-pjanta magħrufa bħala Dogwood (mill-familja ta’ Comaceae) kienet tikber bħala siġra kbira daqs il-balluta jew siġar oħra tal-foresta. Tant kienet kbira u b’saħħitha li l-injam tagħha kienu jużawh għat-tislib. Din is-siġra kienet tippreferi li tintuża għal xi ħaġa siewja, bħal għamara, għodda jew xi dgħajsa. In fatti, kull darba li xi ħadd jużaha għat-tislib, tgħidx kemm kienet tħoss u tinkwieta.
Darba waħda, inkwitat aktar mis-soltu, għax kienet qed tħoss li l-mislub kien raġel tajjeb u bla ħtija. Kien Ġesu’ li, kif nafu, kien jintebaħ mill-ewwel fejn jitfaċċa xi uġigħ jew inkwiet. Żgur li ma kienx se jħalli dawn is-sentimenti sbieħ li kienet qed tħoss għalih din is-siġra itiru mar-riħ bla ma jagħmel xejn. Għalhekk qal lil din l-għuda:
“Imħabba d-dispjaċir u d-dulur tiegħek għat-tbatija tiegħi, mill-lum ‘il quddiem id-dogwood mhux se tikber aktar f’siġra biex minnha jieħdu l-injam għas-slaleb. Minn flok, se tibqa’ l-qies ta’ pjanta. Iz-zkuk se jkunu mgħawġin u mibrumin. Il-fjuri tagħha se jkunu forma ta’ salib, b’żewġ petali twal u tnejn oħra qosra. F’nofs it-tarf ta’ kull petala se jkun hemm il-marka ta’ musmar, kannella u msaddad. F’nofs il-fjura se jkun hemm kuruna tax-xewk. B’hekk, kull min jaraha se jiftakar fija.”
Id-dogwood għada hekk sal-lum.