Knisja Elfejn. Nru 143

Print Friendly, PDF & Email

L-ospitalità Nisranija quddiem il-fenomenu tal-migrazzjoni

Michael Caruana

Il-virtú tal-ospitalitá titlob preżenza u attenzjoni. Irridu nkunu konxji li mhux biss nuru ħbiberija u nilqgħu lil dawk li naraw spiss f’ħajjitna, imma anki li nuru l-istess atteġġjament ma’ persuni oħra li huma barranin u li jkunu jeħtieġu l-għajnuna tagħna. Hekk itemm l-editorjal Fr Raymond Gatt OP, l-editur tar-rivista Knisja Elfejn, li fl-aħħar ħarġa tagħha qed titratta “Il-virtú tal-ospitalitá”.

L-editur jgħid li l-kelma ospitalità turi kemm relazzjoni kif ukoll kwalità umana bejn il-persuni. L-ospitalità kienet tintwera lejn il-bniedem barrani, il-pellegrin, u saħansitra wkoll lejn l-għadu. Għalhekk is-sinifikat ewlieni tal-ospitalità kien li wieħed jilqa’ lill-barrani, itih dak li jeħtieġ għall-ħajja u, jekk dan l-għemil jiġi prattikat għal diversi drabi, isir virtù.

Fr Gatt isemmi l-ospitalità tal-qedem skont it-Testment l-Antik u l-Evanġelji u jgħid li dan it-tagħlim ittieħed mill-appostli u mwassal fil-predikazzjoni tagħhom. San Pawl flimkien mal-appostli l-oħra kienu kienu jiddependu mill-ġenerożità u l-ospitalità li kienu juru magħhom l-Insara fejn kienu jmorru jwasslu l-Evangelju. Dan kien isaħħaħ it-tagħlim ta’ Kristu li għallem li kulmin kien jilqa’ wieħed barrani kien qed jilqa’ lilu stess.

Matul iż-żminijiet ta’ wara l-Insara baqgħu jieħdu bis-serjetà l-virtù tal-ospitalità li hi parti mill-karità Nisranija. L-istess nistgħu ngħidu għas-sekli li ġew wara  u, f’dan l-aħħar żmien, l-enfasi fuq l-ospitalità Nisranija kienet ukoll imsemmija mill-aħħar Papiet anki quddiem il-fenomenu tal-migrazzjoni.

L-editorjal itemm li llum insibu diversi spazji ta’ ospitalità mhux biss reliġjużi, iżda wkoll soċjali, ekonomiċi u turistiċi. Jekk nieħdu dawk reliġjużi nsibu istituzzjonijiet li huma fid-dmir li jagħtu l-ospitalità lil min jeħtieġa bħalma huma l-parroċċi u għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu parti mill-Knisja. Imbagħad hemm l-ospitalità li tingħata mill-awtoritajiet ċivili li jafaw li kulħadd ikollu ħajja diċenti skont id-dinjità tal-persuna b’mod speċjali dawk li huma barranin.Isemmi li l-ospitalità turistika llum hi industrja kbira li ħafna pajjiżi jiddependu minnha u li tħaddem ħafna ħaddiema. Din ukoll trid tingħata b’ċertu dekor u responsabbiltà għax hemm l-għajxien ta’ ħafna nies.

Is-suġġett ta’ din il-ħarġa, “Il-virtù tal-ospitalità”, imbagħad jiġi trattat minn diversi oqsma minn kittieba diversi fosthom minn Fr Charles Buttigieg, Fr Justin Schembri OP, Fr Joseph Agius OP, Fr Martin Micallef OFM Cap, Andrè P. Debattista, Fr Edgar Busuttil SJ, Dr Daniel Darmanin, Fr Ivan Attard OP, Marica Cassar, Fr Joseph Mizzi u Fr Anton Farrugia Perici OFM.

Knisja Elfejn hi rivista ta’ formazzjoni teoloġika li tittratta temi ta’ duttrina biblika, dommatika, morali u xjenzi umani u tiġi ppubblikata kull tliet xhur mill-Patrijiet Dumnikani.    

%d bloggers like this: