Kardinal Erdö: Il-Papa Franġisku ġie l-Ungerija b’imħabba kbira

Print Friendly, PDF & Email

“Inħoss li l-Qdusija Tiegħu ġie hawn qabel kollox b’imħabba kbira, speċifikament mħabba għalina”. Hekk qal il-Kardinal Péter Erdö, Arċisqof ta’ Esztergom-Budapest, f’intervista li ta lil Vatican News f’Budapest fi tmien il-41 Vjaġġ Appostolika tal-Papa Franġisku barra mill-Italja. L-Primat tal-Ungerija qal li “n-nies ħassew iż-żelu tal-Papa u wieġbu għaliha, u f’dawn iż-żminijiet inkwetanti, l-Papa tassew ġie bħala pellegrin tal-paċi u bniedem ta’ fidi”.

“Iż-żjara tal-Papa Franġisku kienet ta’ ferħ speċjali għall-komunità Kattolika Ungeriża b’mod partikolari, imma nemmen li kienet ukoll għan-nazzjon kollu,” qal il-Kardinal Erdö.

“Mhux xi ġrajja internazzjonali jew skop ieħor li ġabu hawn, iżda speċifikament l-imħabba pastorali; li ried iżurna,” qal, filwaqt li nnota, “Dan huwa inkuraġġiment kbir għalina”. “Meta morna l-Bażilika ta’ San Stiefnu, il-belt kienet mimlija nies. Mhux biss fil-pjazza ta’ quddiem il-bażilika, iżda il-folol kienu qed isellmulu tul it-toroq minn fejn kien qed jgħaddi”, qal, filwaqt li żied li l-Papa wera affezzjoni kbira lejn dawk li ltaqa’ magħhom. Il-Kardinal innota wkoll li l-Papa Franġisku ta’ spiss waqqaf il-popemobile – biex juri l-affezzjoni tiegħu lejn it-trabi u t-tfal żgħar. “Kienet tassew relazzjoni kbira ta’ mħabba mal-komunità”, qal.

Il-Kardinal Erdö rrimarka li kien hemm ħafna mhux Kattoliċi li ħarġu għall-avvenimenti tal-Papa. “Kien hemm bosta ekumeniċi mistednin, rappreżentanti tal-ħajja soċjali, li ħafna minnhom ma kinux Kattoliċi jew li ma jemmnux,” qal, “li ferħu ħafna jilqgħu lill-Qdusija Tiegħu, għax raw li dan il-vjaġġ hu għalina,” qal. “Fil-persuna tal-Papa esperjenzajna li Kristu ġej għandna – u dik hija ħaġa kbira ħafna,” qal il-Kardina. “Ġesù jiġi f’kull Quddiesa. Narawh fil-fqir. U madankollu, meta ġie l-Papa, aħna ġejna emozzjonalment affetwati minn din ir-realtà”.

Fid-diskors tiegħu ta’ Regina Coeli fi tmiem il-Quddiesa tal-Ħadd, il-Papa Franġisku poġġa lill-Ungerija u lill-Ewropa taħt il-protezzjoni tal-Verġni Marija u talab għall-paċi. “Kien mument sabiħa ħafna fi tmiem il-Quddiesa”, qal il-Kardinal, “għax nafu li kien hu lis-sena l-oħra sejjaħ lill-isqfijiet tad-dinja biex jikkonsagraw l-Ukrajna u r-Russja lill-Verġni Marija. Aħna l-Ungeriżi għandna tradizzjoni antika ħafna ta’ dan, għax kien San Stiefnu li, skont it-tradizzjoni storika, iddedika l-pajjiż kollu, l-ġens kollu, lill-Verġni Marija.” Huwa fakkar, li statwa ta’ San Stiefnu għadha wieqfa f’Fatima b’tifkira ta’ dik il-ġrajja storika.

“Dan il-ġest li għamilna s-sena l-oħra, l-fidili – Insara tal-Lvant u tal-Punent – fehmu li hawnhekk tassew qed nafdaw din is-sitwazzjoni f’idejn il-Providenza Divina u l-imħabba tal-interċessjoni tal-Verġni Marija, li ma nistgħux insolvuha bil-qawwa umana biss,” qal il-Kardinal. Huwa fakkar li l-Papa Franġisku talab quddiem l-ikona ta’ Marija Bambina fi tmiem il-Quddiesa tal-Ħadd. “Din hija l-ikona li, skont it-tradizzjoni storika, sabet triqitha lejn il-Kappella ta’ Bakócz meta l-belt ta’ Estergom ġiet meħlusa mit-Torok, u din l-ikona antika nstabet taħt il-fdalijiet tal-bażilika”, qal. “Talbu quddiemha, u ħafna minnhom irringrazzjaw lill-Verġni Marija.

Il-Kardinal temm l-intervista b’riflessjoni fuq ftit punti ewlenin taż-Żjara Appostolika. “Inkoraġġiment kbir inħass mill-isqfijiet, mis-saċerdoti, mid-djakni, mir-reliġjużi, mill-għalliema tal-fidi, u dawk kollha involuti b’mod attiv fil-ħajja tal-Knisja, kif ukoll mill-foqra, mill-persuni bi bżonnijiet speċjali, mit-tfal għomja, dawk bla dar, u naturalment mir-refuġjati u dawk li jieħdu ħsiebhom,” qal.

Il-Kardinal Erdö qal li l-Ungeriżi qatt mhu se jinsew ix-xhieda indimentikabbli offruta minn familja ta’ refuġjati fil-Knisja ta’ Santa Eliżabetta, ż-żjara riverenti u kommoventi tal-Papa fil-komunità Griega-Kattolika, u l-ferħ li jittieħed u l-atmosfera paċifika u ta’ talb tal-Quddiesa fil-pjazza tal-Parlament, il-Ħadd filgħodu.      

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-04/pope-apostolic-visit-hungary-message-openness-peace-welcome.html

%d bloggers like this: