San Ġużepp joħroġna mill-kriżi tal-paternità

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 6 ta’ Mejju 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa parrokkjali ta’ San Ġużepp. Bażilika ta’ Marija Bambina, Xagħra.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

F’dawn l-aħħar snin, ħafna tkellmu u għadhom jitkellmu dwar il-kriżi tal-figura tal-missier. Xi rrid ngħid? Fejn hi d-dixxiplina fil-familji li kien hemm darba? Illum lanqas biss b’xi mod tissogra, timmaġina jew taħseb li nerġgħu nirrepetu dak li kien jiġri 50 u 60 sena ilu fil-familji tagħna: il-missier jgħid kelma u dik tkun. Il-kriżi tal-missier tidher ngħidu aħna fil-mod ta’ kif illum l-ulied, anki żgħar, jisħqu li tgħaddi tagħhom, li jiksbu dak li jridu. Il-kriżi tal-missier illum tidher, inħossuha u mmissuha fil-fatt li ħafna drabi, b’differenza mill-antik, il-missier ikun assenti, nieqes għalkollox mill-familja minħabba ħinijiet twal ta’ xogħol.

Din il-kriżi ssib l-oriġni tagħha ħafna snin ilu, jikkalkulaw madwar 50 jew 60 sena ilu, proprju meta fl-aħħar tas-sittinijiet kien hemm il-kriżi tal-awtorità. Min baqagħlu awtorità llum? Min iħaddem għandu awtorità llum? Min imexxi għandu awtorità llum? Nistgħu nibqgħu sejrin… tissejjaħ il-kriżi tal-figura tal-missier, il-figura tal-paternità. Minħabba din il-kriżi tinħoloq insigurezza kbira, b’mod speċjali fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Araw, ngħidu aħna – u jien naħseb li ħafna minnkom tkunu għaddejjin minnha – min għandu l-ulied adolexxenti. Ma jistax ikollok kontroll sħiħ fuqhom kif kien hemm darba. Fejn taf jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek, xħin toħroġ is-Sibt, hux se tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jagħtiha xi ħaġa jew jagħmlilha xi ħaġa, jew iġegħelha tagħmel esperjenza li inti ma tixtieqx, li inti qatt ma ridt li jiġrilha jew jiġrilu.

Allura dik il-mistoqsija ta’ Filippu fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 14:1-12) qiegħda tassew f’postha: “Mulej, urina l-Missier” (v. 8). Filippu jdur fuq Ġesù u jgħidlu: ‘Għidilna, min hu l-Missier?’. Ir-risposta ta’ Ġesù hi sempliċi: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier” (v. 9). Hija risposta li tagħmel ħafna sens din ta’ Ġesù. Liema jkun l-ikbar ftaħir u pjaċir tal-missier jekk mhux li jara lil ibnu bħalu, jixbhu? Meta l-missier jinduna li ibnu tiela’ bil-prinċipji tiegħu, bil-valuri tiegħu, b’dak li hu tajjeb u b’dak li hu ħażin skont kif jgħallem il-missier, hawn il-missier jilħaq il-milja tal-paternità tiegħu, iħossu tassew kuntent. Meta jgħid: “Min ra lili ra lill-Missier”, Ġesù qiegħed jgħidilna li dak li jrid Alla l-Missier minnu, Ġesù jwettqu. L-awtorità tal-missier, li fi żmienna tinsab fi kriżi, f’kull sens, anki l-istess awtorità ta’ Alla bħala Missier, Ġesù lil Filippu qiegħed jgħidlu li huwa laqgħaha, aċċettaha, saret parti sħiħa minn ħajtu, u qiegħed jgħixha.

Imma naħseb ta’ min nagħmlu mistoqsija oħra llejla: Minn fejn Ġesù jitgħallem x’jixtieq minnu l-Missier tas-Sema? Mhux biss mill-kuntatt li kellu miegħu fit-talb. Il-Vanġelu jgħidilna li spiss kien jirtira fuq l-għoljiet biex jitlob u jidħol f’komunikazzjoni, fi djalogu, f’diskors ma’ Alla l-Missier. Ġesù kien bniedem, li jġorr fih u jinkarna d-divinità; Alla magħmul bniedem, imma kien bniedem! Ibqgħu ċerti li dak li tgħallem fuq il-Missier ma waqax biss mis-sema fit-talb, imma tgħallmu mingħand il-missier putattiv tiegħu, San Ġużepp.

Allura, meta Ġesù fil-Vanġelu tal-lum isemmi tliet karatteristiċi importanti ta’ dan il-Missier tas-Sema, dawn kienu t-tliet karatteristiċi importanti u prinċipali tal-figura ta’ San Ġużepp. Inħoss illum li jistgħu jkunu t-tliet sejħat prattiċi ħafna li San Ġużepp qiegħed jagħmel lill-familja, lill-koppja, imma b’mod speċjali lill-figura tal-missier fi żmienna.

Il-missier li jipproteġi

Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jibda proprju biex iserraħ moħħ id-dixxipli, li kienu mwerwrin fiċ-Ċenaklu, proprju ftit wara li Ġuda kien diġà telaq biex jittradih. Kien hemm tensjoni kbira fiċ-Ċenaklu… Ġesù kien qed joqrob lejn il-mument tal-arrest, it-tbatija u l-mewt tiegħu. X’jgħidilhom Ġesù lill-Appostli? Liema hi l-ewwel karatteristika li Ġesù jitgħallem mingħand il-Missier, u li tgħallimha wkoll mingħand Ġużeppi, u li Ġesù jgħaddi u jikkomunika lid-dixxipli tiegħu u lilna wkoll illejla? “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll” (v. 1). Dan is-sens ta’ sigurezza, ta’ sigurtà, ta’ blata, ta’ ankra, ta’ sur, ta’ difiża, ta’ protezzjoni, ta’ għajnuna, ta’ appoġġ, li Ġesù jagħti lid-dixxipli, imbagħad ftit wara jgħidilhom li din hija karatteristika tal-missier: ‘Min ra lili, min sema’ lili, ra u sema’ lill-Missier’.

L-istorja ta’ San Ġużepp turina kemm kien sigurtà, kemm kien blata, kemm kien ankra, kemm kien sur għall-familja tiegħu; kemm kien preżenti, kemm kien qiegħed hemm fid-diffikultà. Tismagħha llum: ‘Telaqni r-raġel, għax it-tifel twieled b’diżabbiltà… Telaqni r-raġel, għax lili qabditni marda… Ir-raġel iktar barra milli ġewwa, għax ma jistax jissaporti iktar l-istorbju tat-tfal’. Dan kollu huwa l-maqlub tal-missier li huwa s-sigurtà, il-blata, l-ankra, is-sur li jħares u jkennen il-familja. Dan ma għamlux San Ġużepp f’ħajtu? Niftakruhom il-ġrajjiet tat-tfulija ta’ Ġesù? Mhux hu jkun li jaqbad lil Marija u lil Ġesù, kif jgħidilna l-Vanġelu, u jaħrab bihom, jipproteġihom, jitbiegħed mill-periklu bihom! Il-preżenza tiegħu magħhom biex ma jiġrilhom xejn, biex ma tiġrilhom l-ebda ħsara.

L-ewwel karatteristika tal-missier: li jipproteġi, li jagħti l-fiduċja. Filwaqt li l-karatteristika tal-omm fit-trobbija tat-tfal tagħha hija li tagħtihom il-kenn tal-affettività, l-imħabba, il-ħarsien, li tikkurahom u tieħu ħsiebhom, min-naħa l-oħra l-karatteristika speċifika tal-missier hi li jagħtihom il-kapaċità li jkunu nies li jirriskjaw. Eżempju sempliċi: tifel żgħir ta’ sena u nofs tiela’ fuq sellum… l-omm: ‘Inżel minn hemm!’, il-missier: ‘Ħallih, ngħinu jitla’’. Il-missier li jgħin lill-iben jitgħallem jirriskja. Il-missier qiegħed hemm, jgħinu, jipproteġih u joħloq fih sens kbir ta’ fiduċja: “Tħallux qalbkom titħawwad!” (v. 1)

Il-missier li huwa dar

X’jgħidilhom iktar Ġesù lid-dixxipli tiegħu? “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu; biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (vv. 2, 3). Ġesù, li qiegħed hemm, u li qiegħed preżenti qalb id-dixxipli tiegħu. Ġesù li jagħmel dak li jitlob minnu l-Missier. Ġesù li huwa l-wiċċ tal-Missier, li jurina min hu l-Missier, allura jikkomunikalna, jgħidilna li l-Missier jixtieq li jkun magħna, li l-Missier huwa dak li jipprovdi l-kenn, li jipprovdi l-għamara, li jipprovdi d-dar għall-familja tiegħu: “Inħejjilkom post” (v. 3). Il-missier li huwa dar għall-familja tiegħu.

Hawnhekk illum, fil-kriżi li qed ngħixu tal-missier, għandna sejħa oħra importanti. Kif nafu, qed ngħixu fi żmien fejn il-koppja ħafna drabi hija iktar ’il barra mill-familja, milli ’l ġewwa fil-familja. Mhux kull koppja l-istess… hemm min tendenzjalment ikun iktar mitfuħ ’il barra, qisu s-saqaf se jaqa’ fuq rasu; hemm min iħobb jinġabar, ikun iktar mal-familja. Imma l-Festa tal-lum ta’ San Ġużepp tistieden lil kull wieħed u kull waħda minna, b’mod speċjali l-figura tal-missier, biex inkunu nies ftit iktar attenti għad-dar… mhux biss bħala ġebel, bħala ambjent diċenti jew sinjur illum fejn ngħixu. Għandna ħafna djar sbiħ, vilel, imma ma ngħixux ġo fihom, ma noqogħdux ġo fihom, għax il-ħin tagħna ngħadduh iktar barra milli ġewwa.

X’jiġifieri l-missier li jħejji l-post? Huwa dak il-missier li joqgħod attent li jiġbor f’ħinijiet partikolari u importanti l-familja tiegħu. Il-missier li jiġbor lill-familja mal-mejda, almenu darba, darbtejn fil-ġimgħa. Kemm saret rari li nieklu flimkien, kemm sirna egoċentriċi, kulħadd jaħseb għalih! Kieku naħsbu għalina u naħsbu wkoll għal ħaddieħor, kieku fiha u ma fihiex! Imma nispiċċaw naħsbu fina nfusna biss. Kulħadd jiekol dak li għandu aptit, xħin irid, u fejn irid. Il-kċina ma għadhiex il-post fejn tinġabar il-familja. L-ikla li ssajjar l-omm jew il-missier, jekk għadha ssir, ma baqgħetx jew ma għadhiex l-ikla li jieħu kulħadd. U l-ħin ta’ nofsinhar jew ta’ filgħaxija ma għadhomx il-ħinijiet li fihom jinġabar kulħadd jew xi wħud mill-membri tal-familja. Dan ifisser “inħejjilkom post” (v. 3), ‘nagħmlilkom dar’; id-dar mhux bil-funzjonijiet u l-aċċessorji kollha possibbli, imbagħad ngħixu iktar ’il barra milli ’l ġewwa.

Dan għamlu San Ġużepp. Jekk nindunaw, fil-Vanġelu ta’ San Mattew, San Ġużepp qatt u qatt ma jissemma waħdu. Ġesù jissemma kemm-il darba waħdu, Marija tissemma wkoll; Ġużeppi, ir-raġel, ma jissemma qatt u qatt waħdu, għax Ġużeppi huwa dak li jagħmel il-post, jagħmel id-dar tal-familja.

Il-missier li jagħti direzzjoni

Ġesù l-missier jgħidilhom lid-dixxipli: “Jien hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (v. 6). Fi kliem ieħor: ‘Jien nagħtikom id-direzzjoni, jien ngħidilkom fejn hu t-tajjeb u fejn hu l-ħażin – il-verità; u meta intom timxu t-triq lejn it-tajjeb u tevitaw it-triq lejn il-ħażin, meta intom timxu fil-verità, intom tgħixu, ikollkom il-ħajja fikom, tkunu kuntenti’. Nerġa’ nfakkarkom dak li qal Ġesù: “Min ra lili, ra lill-Missier” (v. 9). Mela aktar ma hu l-kliem tiegħu, huwa l-kliem tal-Missier. Dak hu li jagħmel Ġużeppi, u dak li hu msejjaħ jagħmel kull missier.

Biex nikkonkludu ngħidu kelma żgħira fuq id-dixxiplina: it-triq li twassal għall-verità u li tagħti l-ħajja. X’inhi d-dixxiplina? Mhux li tkun bis-sawt, u attent jew attenta biex it-tifel jew tifla tiegħek tobdi kulma inti tordnalu u tordnalha. Dik mhix dixxiplina. Dak jgħidulu awtoritarjaniżmu: ‘Hawn jien nikkmadna u tagħmel kif ngħid jien’. Dik mhix dixxiplina. Il-kelma ‘dixxiplina’, li aħna poġġejnieha mal-kliem negattiv u ikrah tal-vokabolarju tagħna, hi kelma tassew sabiħa. Ġejja mill-kelma ‘dixxiplu’, discere – titgħallem. Il-kelma dixxiplina tfisser li twettaq dak li titgħallem: il-veru.

Il-missier qiegħed hemm fil-familja mhux sempliċiment biex jiggarantixxi li ma jkunx hemm kunflitti, li ma jkunx hemm inkwiet fir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied. Għax b’xorti ħażina din l-idea li ma noħolqux inkwiet wasslitna biex nagħlqu għajnejna għal ħafna ħwejjeġ li mhumiex permessi, li mhumiex tajbin. ‘X’nagħmel? Naqla’ l-inkwiet mat-tifel tiegħi ta’ 12, 13-il sena… li diġà qed narah ipejjep il-ħaxixa? Naqla’ l-inkwiet miegħu? Mhux aħjar noqgħod bi kwieti, u ma niġġeldux!’. Innutaw x’inhu jiġri: bl-iskuża tal-paċifiżmu, inħalli lit-tifel tiegħi jidħol fi sqaq, jidħol fid-dlam. Il-ġid ta’ min qed infittex: tiegħu jew tiegħi? Biex niffranka l-inkwiet tiegħi. Mhix din id-dixxiplina.

Id-dixxiplina hija meta jien, missier, naf x’inhi l-verità, naf x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Wara li rrifletejt b’moħħi, għax jien persuna adulta, u nipprova mmexxi fit-triq tal-verità, nagħti direzzjoni lil uliedi, u direzzjoni waħda. It-triq hi dik il-biċċa maqtugħa qalb il-beraħ, qalb ir-raba’, li minnha tista’ tgħaddi mingħajr periklu għalik u għall-oħrajn. Ipprova għaddi minn għalqa, aqsam minn triq għal oħra, jew minn raħal għal ieħor, mill-għelieqi, u ara x’jiġri! Ħafna drabi, b’xorti ħażina, dak li qed jiġri llum. Nippruvaw ngħaddu minn triq għal oħra, jew minn raħal għal ieħor, mill-għelieqi, minn qalb il-blat, minn qalb il-widien, u mhux mit-triq. Minħabba f’hekk, nippruvaw nesperimentaw il-ħin kollu. It-tfal tagħna, iż-żgħar tagħna, minħabba nuqqas ta’ direzzjoni, ta’ sinjali li juruna t-triq, ta’ regolamentazzjoni ta’ kif għandek tagħmel u ma għandekx tagħmel, qed jispiċċaw kontinwament jagħmlu l-esperimenti. ‘Jekk ngħaddi minn hemmhekk nasal malajr, u jekk ngħaddi minn dik in-naħa’… Tajjeb li nesperimentaw, mela le, imma sadanittant, dak ħabat hemmhekk, imbagħad tkisser in-naħa l-oħra, imbagħad ħabat ma’ xi ħadd ieħor u farrku. Mhux qed ngħidu bil-karozzi ta’ biss! Imma b’kull esperjenza li tista’ tiġri fil-ħajja.

San Ġużepp, hawnhekk ukoll, joħroġ bħala dik il-figura tal-missier li jagħti t-triq, jagħti d-direzzjoni. Id-direzzjoni kienet: ‘Aħrab lejn l-Eġittu; mur lura lejn Nazaret; ħu lil Marija b’martek’. Id-direzzjoni dejjem tingħata lill-missier, min-naħa tal-Missier tas-Sema, permezz tal-anġlu; u l-missier imbagħad jagħtiha lil Marija u lil Ġesù.

Ejjew nitolbuh illum lil San Ġużepp biex f’din il-Festa li qegħdin nagħmlu – li ma nzertatx għalxejn fil-5 Ħadd tal-Għid, meta Ġesù jkellimna fuq il-figura ta’ min hu l-Missier tiegħu tas-Sema – jagħtina l-konvinzjoni li aktar ma nsiru nafu lil Ġesù, aktar insiru nafu lill-missier: lil Ġużeppi, il-missier putattiv, u lill-Missier tas-Sema… u din il-kriżi tal-paternità, tal-missier, inqas taffettwa lilna, lill-familji tagħna u lis-soċjetà tagħna.

Leave a Reply

%d bloggers like this: