Nhar is-Sibt, il-Papa Franġisku ndirizza għalliema, tfal u żgħażagħ minn aktar minn 30 pajjiż li kienu qed jieħdu sehem fis-sitt Simpożju Internazzjonali tat-Tennis u l-Padel f’Ruma. L-avveniment sar fis-6 u s-7 ta’ Mejju, fejn iffokka fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ. B’referenza għal dan l-aspett kruċjali, fid-diskors tiegħu l-Papa enfasizza r-rabta mill-qrib bejn l-isport u l-edukazzjoni.
“Għalliem tat-tennis jew tal-padel”, qal il-Papa, “mhux biss huwa għalliem tat-teknika, iżda huwa wkoll, u ngħid fuq kollox, ‘edukatur’”. Għalhekk ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikomplu jagħtu attenzjoni lil din id-“dimensjoni edukattiva”, u ppropona riflessjoni bbażata fuq l-esperjenza tal-plejers tal-padel: li logħba tajba tirriżulta mill-“bilanċ tajjeb bejn l-offiża u d-difiża”.
Plejer tajjeb tat-tennis jew tal-padel, innota l-Papa, “ma jistax dejjem sempliċement jattakka jew jieħu riskji; għandu jkun jaf ukoll kif jiddefendi”. Bl-istess mod, “għalliem li jikkonċentra biss fuq l-offiża, jew fuq id-difiża, iħalli lill-istudent ‘espost’ fuq in-naħa l-oħra”.
Għalhekk, “edukatur tajjeb jaf issib il-bilanċ bejn ir-riskju u l-prudenza”. It-teħid ta’ riskju huwa, pereżempju, li t-tfal ikollhom esperjenza ġdida li qatt ma kellhom qabel, għalkemm dejjem trid tkun proporzjonata mal-kapaċitajiet tagħhom. “Il-prudenza vera, min-naħa l-oħra, hija bħal difiża tajba”, u fil-“ħidma tal-edukazzjoni hija essenzjali biex is-sitwazzjonijiet jiġu evalwati sew, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-potenzjal ta’ kull tifel jew tifla”, qal il-Papa.
“L-edukaturi għandhom iħarrġu b’mod speċjali liż-żgħażagħ biex jipperseveraw, ma jaqtgħux qalbhom, u jagħmlu minn kollox biex jirrispondu anke għall-aktar tiri diffiċli, peress li r-rispons rapidu u b’aġilità jista’ jwassal għal rkupru li jaqbad lill-plejer l-ieħor mhux f’postu, għax jiġi bla mistenni.”
Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku enfasizza dak li jqis li huwa l-aktar aspett importanti tal-padel, u ta’ kull sport ieħor: li hija logħba, li “l-valur edukattiv tagħha jinsab proprju fil-mod kif tintlab”. Huwa qal, li “l-kompetizzjoni hija b’saħħitha jekk hija kollha parti minn ‘logħba’. Ladarba l-kompetizzjoni ssir kollox, diversi forom ta’ asserzjoni jieħdu over u jispiċċaw iħassru l-isports, u dan ma jibqax edukattiv, imma eżattament l-oppost”, irrimarka l-Papa.
“Hemm ħaġa waħda li fl-isport – kemm jekk fit-tennis jew padel jew f’xi sport ieħor – qatt m’għandna nitilfu: d-dilettantiżmu, d-dimensjoni tad-dilettanti. Meta nidħlu fl-isport għal interessi oħra, mhux għall-gratuità tad-dilettanti, nitilfu l-ġmiel tiegħu, nitilfu d-dimensjoni “sinfonika” tiegħu u l-isport isir negozju. Dejjem żommu dan f’moħħkom: ħalli t-tennis tiegħi, ħalli l-padel tiegħi, ikun dejjem dilettant. Dilettant, titlifx din id-dimensjoni.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-05/pope-francis-discourse-tennis-padel-sixth-symposium-vatican.html