Nru 6: TEREŻA TAL-BAMBIN ĠESÙ: “IL-VOKAZZJONI TIEGĦI HI L-IMĦABBA”
Minn Joe Galea
Tereża ta’ Lisieux bilkemm kellha 23 sena meta kienet diġà taf kif għandha tippjana l-kors ta’ ħajjitha. Ftit kliem fuq Salm 88 jagħtuna ħjiel tas-sigriet tal-ferħ tagħha: “Ilni ħafna nistaqsi lili nnifsi għaliex kien hemm qaddisin kbar li rċevew favuri straordinarji u għaliex ħafna nies imsejkna jmutu mingħajr ma jisimgħu l-kelma ta’ Alla? Allura Ġesù qegħidli quddiemi l-ktieb tan-natura u jien fhimt li l-fjuri kollha li Alla ħalaq huma sbieħ; li l-ilwien tal-warda, bħall-abjad tal-ġilju ma jneħħux il-fwieħa tal-vjola jew is-sempliċità tal-margerita. Hekk aħna fid-dinja, li hi l-ġnien ta’ Alla. Huwa ħalaq il-qaddisin il-kbar, imma ħalaq ukoll iż-żgħar u jħares lejn kulħadd bl-imħabba. Ħajjitna għandha tkun sforz kontinwu biex nagħmlu l-volontà tiegħu u nkunu dak li jridna nkunu.” (minn Storja ta’ Ruħ, manuskritt A.)

Il-fjura ż-żgħira kienet Tereża, l-iċken fost ħamest ibniet. Erbgħa oħra minn ħutha kienu mietu qabel ma twieldet Tereża, f’Alencon, fl-1873 u hi stess għal ftit ma marritx ukoll. Imbagħad tilfet lil ommha kawża ta’ kanċer f’sidirha. Tereża kellha biss 4 snin. Kien xokk terribbli għal tifla ċkejkna ta’ karattru hekk qawwi u ferrieħi. ‘Il quddiem kitbet: “Jiena, hekk fuq ruħi, sirt mistħija u sensittiva għall-aħħar, ma ridtx li xiħadd jinkweta għalija biex inkun kuntenta.”
Saħħitha ddgħajfet u ħakimha wġigħ ta’ ras qawwi. Donnu ma kienx biżżejjed hekk kif oħtha Pawlina, li saret it-tieni omm tagħha, ħasditha meta qaltilha li se tingħaqad mal-Ordni tal-Karmelu, u Tereża waqgħet f’marda mentali serja. Imbagħad ta’ 10 snin, f’Pentekoste, kellha xi dehriet fil-ħolm u rat l-istatwa tal-Verġni Marija titbissmilha.
“L-imħabba tal-Mulej tirrevela ruħha wkoll ħafna fl-erwieħ l-aktar sempliċi li ma jirreżistu xejn għall-grazzja f’ruħ li tkun tant sublimi.”
Tereża rċeviet minn kmieni l-grazzja li titlob mingħajr sforz. L-Ewwel Tqarbina tagħha kienet bewsa ta’ mħabba lil Ġesù. Madankollu l-mistika żagħżugħa għaddiet minn esperjenza ta’ dgħufija li ma setgħetx tirbaħha, bħall-esperjenza animata minn xewqat kbar konfrontati bil-limitazzjonijiet ta’ saħħitha, ħsiebha u tar-ruħ imqallba tagħha.
Wara li fieqet, Tereża baqgħet sensittiva u mikduda mill-iskrupli, sal-lejl tal-Milied tal-1886, meta rċeviet il-“grazzja li noħroġ mit-tfulija tiegħi, f’kelma oħra l-grazzja tal-konverżjoni sħiħa tiegħi.” Waslet biex ipperswadiet lil missierha jħalliha tmur Ruma ħalli titlob permess mill-Papa biex tidħol mal-Karmelitani, fl-età ta’ 15-il sena. Kellha xewqa waħda: li tħobb lil Ġesù, li twieġeb għall-imħabba tiegħu u taħdem b’saħħitha kollha biex il-bnedmin ikollhom il-ferħ li jagħrfuh u li jaqduh.

Faċli tgħid li twieġeb għall-imħabba ta’ Ġesù, imma Tereża għamlet dan tassew permezz ta’ esperjenza oħra: riedet twieġeb għall-imħabba ta’ Ġesù bl-istess imħabba tagħha, bir-riskju li tikkonċentra fuqha nfisha. Minkejja r-rieda tagħha li tkun ġeneruża, xi drabi kienet turi nuqqas ta’ paċenzja minħabba t-temperament nervuż li kellha. Imbagħad infirxet quddiemha l-iskoperta l-kbira fil-qalba tal-fidi Nisranija li saret ir-ruħ tat-“triq iż-żgħira”. Dak li Alla jistenna minna hu li qabelxejn nagħrfu li aħna maħbubin minnu u li ninħabbu miegħu mingħajr kundizzjoni. Alla jħobbna, nagħmlu x’nagħmlu. Ikun dejjem qabilna bl-imħabba tiegħu. Mhux għalhekk sar wieħed minna, u għamel dan minn jeddu? L-imħabba ta’ Alla revelata fi Kristu titbaxxa biex aħna nkunu nistgħu nilħquha fid-dgħufija tagħna. Ngħabbuh bil-fraġilità tagħna u ngħixu l-imħabba miegħu. Jiġi jfittixna kull fejn inkunu.
Tereża tispjega hekk lil waħda min-novizzi li kienet qed tiskuraġġixxi ruħha minħabba n-nuqqasijiet tagħha: “Inti ġġegħalni naħseb f’tifel żgħir li beda jqum bilwieqfa, imma għadu ma jafx jimxi. Jixtieq imur ħdejn ommu fit-tarf tat-taraġ, jerfa’ sieq waħda biex jagħmel l-ewwel pass, imma għalxejn. Tagħmel tajjeb li tkun bħal dak iċ-ċkejken. Bil-prattika tal-virtujiet kollha pprova tella’ r-riġel żgħir tiegħek biex titla’ t-taraġ tal-qdusija. Għandu mnejn ma jirnexxilekx titla’ l-ewwel tarġa, imma Alla hu tant tajjeb li ma jitolbokx ħlief il-volontà tiegħek. Mirbuħ malajr mill-isforzi inutli tiegħek, jinżel ħdejk Huwa stess u jħaddnek f’dirgħajh u jilqgħek għal dejjem fis-saltna tiegħu.” It-triq iż-żgħira toqgħod tajjeb ma’ min għandu xewqat kbar.
Ħajjet Tereża tidher hekk sempliċi, minn barra. M’hemm xejn li jirrifletti n-nar interjuri tagħha. Għall-imħabba ta’ Ġesù Tereża kienet tiċċaħħad mix-xewqat tagħha bħal, ngħidu aħna, li sserraħ daharha mas-siġġu. Kienet ukoll tipprattika s-sawm b’mod rigoruż. Fi sbiħ il-Ġimgħa l-Kbira, it-30 t’April 1895 indunat li bdiet tneħħi d-demm minn ħalqha. Fl-istess żmien daħlet ukoll fil-lejl mudlam tar-ruħ. It-tuberkolożi baqgħet tiggrava sakemm temmitilha ħajjitha fl-età ta’ 24 sena, fit-30 ta’ Settembru 1897.
Meta nsemmu l-kelma mistiku jew mistika, jiġuna f’moħħna grazzji straordinarji. Xejn minn dan għal Tereża. Bil-maqlub ta’ Tereża ta’ Avila, fil-Karmelu ta’ Lisieux Tereża tal-Bambin Ġesù la kellha viżjonijiet u lanqas estasi. Tikteb: “Lili, Ġesù qatt ma kellimni”. Għaliha l-ħajja mistika kienet ħajja fejn wieħed jagħmel l-esperjenza tal-preżenza ħajja u dejjiema ta’ Alla ġo fih.
“Li mmut bl-imħabba,
Din hi t-tama tiegħi.
Meta niġi biex ninfired minn dak li għandi,
Il-Mulej tiegħi jkun il-premju tiegħi.
Ma rridx li jkolli ħwejjeġ oħra.
Irrid inkun imbewsa mill-imħabba tiegħu.
Irrid narah, ningħaqad miegħu, għal dejjem.
Din hi l-ġenna tiegħi, dan hu d-destin tiegħi.
Li ngħix l-imħabba.”
(Silta minn ‘Il-Kitbiet Kollha’, ta’ Santa Tereża)
_____
Ħajti mhix għajr mument, siegħa li tgħaddi.
Hi ġurnata waħda li toħroġ minn idi u taħrabli.
Taf, Mulej! Biex inħobbok fuq din l-art.
M’għandi xejn ħlief illum.
Inħobbok, Ġesù. Fik ruħi tittama.
Għal jum wieħed biss ħallini nserraħ fuqek.
Ejja saltan fil-qalb tiegħi, agħtini t-tbissima tiegħek.
Xejn ħlief din għal-lum.
X’jimporta li l-futur hu sewdieni?
Nitolbok għal għada, imma le, ma nistax.
Agħtini ruħ safja, għattini bid-dell tiegħek.
Jekk noħlom dwar għada, nibża’.
Inħoss fija d-dwejjaq ta’ dak li ma nafx.
Irrid narak fix-xatt.
Int il-pilota divin, li tmexxini minn idejja.
Fuq il-mewġ qalil iggwida fil-paċi d-dgħajsa tiegħi.
Ħallini nistaħba fil-wiċċ tiegħek.
Hekk ma nismax id-dinja bil-ħsejjes tagħha.
Ħdejn qalbek ninsa x’inhu għaddej.
Ninsa l-biża’ tal-lejl.
Agħtini, Ġesù, post fil-qalb tiegħek.
Ħobż ħaj, ħobż tas-sema, Ewkaristija divina.
Misteru qaddis. Kemm nissilt imħabba.
Ejja f’qalbi, Ostja bajda tiegħi.
Verġni bla tebgħa ħallini nisrieħ fil-mant tiegħek.
Anġlu Kustodju, għattini bi ġwenħajk.
Dawwalli t-triq tiegħi.
(Silta minn waħda mill-ewwel poeżiji li Tereża kitbet fl-1 ta’ Ġunju 1894 bl-isem ta’ ‘L-Għanja Tiegħi tal-Lum’.)