… din id-darba ktieb ta’ stejjer li jqanqlu ħsibijiet u kurżitajiet
Michael Caruana
“Bid-Daqquqa” hu l-isem tal-ktieb il-ġdid ta’ Noel Cachia. Ktieb differenti mill-aħħar kotba li tana. Minflok is-soltu poeżiji, din id-darba Noel qed jagħtina ġabra ta’ għaxar stejjer.

Huma rakkonti qosra b’tulijiet varji, mibnijin fuq ġrajja ċentrali waħda u b’nisġa ta’ fatti li malajr iwasslu għall-qofol u għat-tmiem. Madankollu dawn l-istejjer iqanqlu kemm ħsibijiet kif ukoll kurżitajiet.
L-istejjer ta’ Noel f’dan il-ktieb jitrattaw diversi temi u jvarjaw f’għadd ta’ xejriet fosthom sentimentali, deskrittivi, soċjali, reliġjużi, sportivi, psikoloġiċi, didattiċi u, b’mod speċjali, umoristiċi. F’kull rakkont il-karattri jqanqlu ċ-ċajt, id-daħk u d-divertiment f’ambjenti u f’sitwazzjonijiet differenti.
Bħalma għamel fil-kotba l-oħra tiegħu, anki f’dan il-ktieb Noel Cachia qed juża kitba mexxejja, faċli u ħafifa biex il-qarrejja jifhmuha u jieħdu gost jaqrawha.
Hu qed jiddedika dan il-ktieb lil dawk għatxana għal tbissima u, fin-nota tiegħu fil-bidu tal-ktieb, hu jittama li “Bid-Daqquqa” jintlaqa’ tajjeb bħall-kotba l-oħra tiegħu.
It-tnedija ta’ dan il-ktieb ta’ stejjer se ssir fis-Soup Kitchen, 40, Triq Sant Ursula, il-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Ġunju, fl-10 am u għaliha mistieden kulħadd. Il-ktieb qed jinbiegħ €3, iżda min jixtieq joffri aktar merħba bih għax id-dħul minnu l-awtur se jgħaddih lis-Soup Kitchen.