L-Ewkaristija – Il-Misteru tal-Fidi (3)

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar  

Bħalma għamilna f’artikli ta’ qabel f’dis-sensiela qed inkomplu nġibu siltiet qosra minn enċikliċi tal-Papiet dwar it-tema tant importanti u daqstant sabiħa dwar l-Ewkaristija bħala li hi l-Misteru tal-Fidi kif nistqarru kuljum fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika f’kull quddies.

Din id-darba se nġibu siltiet mill-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia li l-Papa San Ġwanni Pawlu II (1920-2005) kien ippromulga fis-17 ta’ April 2003.   “…Mysterium fidei!– Il-Misteru tal-Fidi !”.

Meta s-saċerdot ilissen jew ikanta dan il-kliem,dawk kollha preżenti għalenija jwieġbu bl-akklamazzjoni: “Aħna nħabbru l-Mewt tiegħek,Mulej,u nxandru l-Qawmien tiegħek sakemm tiġi fil-glorja”.B’dan il-kliem jew kliem simili, il-Knisja filwaqt li tindika lil Kristu fil-Misteru tal-Passjoni Tiegħu tirrevela wkoll l-istess Misteru tagħha: Ecclesia de Eucharistia. Bid-don tal-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste,il-Knisja  twieldet u bdiet triqatha fit-toroq tad-dinja, imma mument deċiżiv fil-formazzjoni tagħha kien ċertament it-twaqqif tal-Ewkaristija fiċ-Ċenaklu. Is-sisien u l-għajn kollu tagħha huwa t-Triduum Paschale kollu, li kważi hu miġbur, antiċipat u “ikkonċentrat”  għal dejjem fid-don tal-Ewkaristija. F’dan id-don Ġesù Kristu fada lill-Knisja l-attwazzjoni perpetwa tal-Misteru tal-Għid.Magħha ħoloq “unità fiż-żmien” (unum in tempore) misterjuża bejn dak it-Triduum  u  l-mogħdija  tas-sekli.

Il-ħsieb ta’ dan iwassalna għal  stagħġib kbir u gratitudni profondi.Fil-ġrajja tal-Għid u fl-Ewkaristija, li tagħmilha preżenti matul is-sekli kollha, hemm “kapaċità” tabilħaqq enormi li tħaddan l-istorja kollha  bħala dik li tirċievi l-grazzja tal-Fidwa. Dan l-istagħġib għandu dejjem jimla l-Knisja miġbura biex tiċċelebra l-Ewkaristija.Imma b’mod speċjali għandha timla lill-ministru tal-Ewkaristija. Għax hu li,bis-saħħa tal-grazzja mogħtija lilu bis-Sagrament tal-Ordinazzjoni Saċerdotali,jwettaq il-Konsagrazzjoni. Huwa hu li bil-qawwa li ġejja  minn Kristu fiċ-Ċenaklu jgħid: “Dan hu Ġismi li jingħata għalikom… Dan hu l-kalċi tal-patt il-ġdid u ta’ dejjem, Demmi li jixxerred għalikom…”

Is-saċerdot jgħid dan il-kliem, jew aħjar iqiegħed leħnu  għad-dispożizzjoni ta’ Dak li qal dan il-kliem fiċ-Ċenaklu u li ried li jiġi mtenni minn ġenerazzjoni għal oħra minn dawk kollha li jieħdu sehem fis-Saċerdozju Ministerjali Tiegħu fil-Knisja permezz tal-Ordinazzjoni.

Bl-Enċiklika preżenti nixtieq nerġa’ nqajjem dan l-“istagħġib” Ewkaristiku,billi nkompli l-wirt tal-Ġublew li ħallejt lill-Knisja bl-Eżortazzjoni Appostolika Novo Millennio Ineunte u b’inkurunazzjoni Marjan tagħha Rosarium Virginis Mariae. Li tikkontempla l-Wiċċ ta’ Kristu u tikkontemplah flimkien ma’ Marija huwa l-“programm” li poġġejt quddiem il-Knisja fis-sebħ tat-tielet millennju u li bih qed nistedinha biex tinżel fil-fond tal-baħar tal-istorja b’entużjażmu tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida.Li tikkontempla lil Kristu timplika li tkun kapaċi tagħrfu kull fejn jimmanifesta ruħu,fil-ħafna forom tal-Preżenza Tiegħu, imma fuq kollox fis-Sagrament ħaj ta’ Ġismu u Demmu. Il-Knisja tiġbed ħajjitha minn  Kristu fl-Ewkaristija. Bih hi mitmugħa, u bih hi mdawla. L-Ewkaristija hija kemm  Misteru tal-Fidi kif ukoll “Misteru tad-dawl”. Kull meta l-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija, il-fidili jistgħu,b’ xi mod, jerġgħu jgħixu l-esperjenza taż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws: “għajnejnhom infetħu u għarfuh” (Lq 24, 31).  

Il-Mirakli Ewkaristiċi fis-seklu Dsatax 

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Bordeaux, Franza

Ġesù deher fl-Ostja Kkonsagrata esposta għall-Adorazzjoni pubblika għal aktar minn għoxrin minuta jbierek lin-nies miġbura. Dan il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Bordeaux huwa marbut mill-qrib mal-Komunità ta’ sorijiet mwaqqfa fl-1820 mill-Venerabbli Patri Pierre-Bienvenu Noailles (1793-1861). Din il-komunità reliġjuża, magħrufa bħala l-Kongregazzjoni tas-Sagra Familja, għadha attiva sal-ġurnata tal-lum fi Franza, Spanja u l-Italja kif ukoll fl-Asja u l-Afrika.

Dal-Miraklu Ewkaristiku seħħ fis-sena 1822, sentejn  wara l-twaqqif ta’ din il-Kongregazzjoni,fil-Knisja tagħhom ta’ Santa Eulalie fi Rue Mazarin, Bordeaux, Franza. Ġesù deher fl-Ostja immedjatament wara li l-Abbati Delort,li dakinhar kien qed jissostitwixxi lil Fr.Noailles fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi,billi jagħti lill-miġemgħa l-Barka bis-Santissimu Sagrament.

Il-Ġrajja tal-Miraklu Ewkaristiku fid-dettal:

Fit-3 ta’ Frar 1822, il-Ħadd Septuagesima, l-Abbati Delort, li qabel kien saċerdot responsabbli mill-Parroċċa ta’ Barie u mbagħad irtirat fil-parroċċa ta’ Santa Eulalie, Bordeaux, ġie mitlub minn Fr.Noailles biex jagħti il-Barka bis-Santissimu Sagrament fil-Kappella Notre Dame de Lorette.

Għalhekk, għall-ħabta tal-4.30 p.m., l-Abbati Delort mar fil-Kappella, resaq lejn l-artal imma hekk kif qabad b’idejh  l-Ostensorju bl-Ewkaristija fih  l-Ostja Mqaddsa  ċċaqalqet ftit u fiha dehru b’mod destint ix-xbieha tar-Ras u l-Ispallejn ta’ Ġesù Kristu, imdawwar b’awreola mill-aktar brillanti u mdawrin bir-raġġi. Wiċċ Ġesu kien jiddi u jirrappreżenta raġel ta’ madwar tletin sena, eċċezzjonament sabiħ. Kellu xagħar ċar, li jaqa’ fuq spallejh, u kien liebes xalpa ħamra… idu x-xellugija sserraħ fuq qalbu u l-leminija kienet mifruxa lejn is-sorijiet u n-nies li kienu fil-kappella. Minn ħin għall-ieħor Huwa tbaxxa u deher imbagħad jinqala’ miċ-cirku tal-Ostensorju u issa l-figura Tiegħu kienet tidher akbar. Huwa beda jbierek lil dawk kollha miġbura hemmhekk.   Din id-dehra Mirakoluża kompliet tidher għal waqt l-Innu tas-Santissimu Sagrament, Domine Salvum,  it-talb, il-kantiku u l Barka, jigifieri għal madwar għoxrin minuta.

 L-għadd kbir ta’ fidili li kienu preżenti setgħu jikkontemplaw għal dawn l-għoxrin minuta, id-dehra ta’ Ġesù qiegħed ibierek lin-nies mill-Ostja Mqaddsa.  Din il-ġrajja ġiet approvata mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi,fosthom l-Arċisqof ta’ Bordeaux, Mons. D’Aviau,li sema’ personalment ix-xhieda tal-fidili li xehdu din id-dehra mirakoluża. Saħansitra, waħda mis-sorijiet xehdet ukoll li semgħet  lil Ġesù jgħid: Jien Hu dak li  Hu. Anke llum wieħed jista’ jżur il-kappella tal-Miraklu u jqim  ir-relikwa prezzjuża tal-Ostensorju tal-Miraklu li qed tinżamm f’Martillac,Franza,fil-knisja tal-komunità kontemplattiva“LaSolitude”.

Din il-ġrajja tal-Miraklu tinsab miktuba wkoll fid-daħla tar-Regoli Ġenerali tal-Komunità, u li kopja tagħha ġiet mgħoddija lill-membri tal-famlja tal-Venerabbli Pierre-Bienvenu Noailles.  

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Onil, fi Spanja

Il-ġrajja ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku seħħet f’Onil, fi Spanja. Nicholas Bernabeu, li għal xi żmien meta kien tifel kien iservi ta’ abbati fil-knisja parrokjali ta’ San Ġakbu Appostlu, f”Onil, Alicante, Spanja, fil-15 ta’Novembru, 1824, seraq l-Ostensorju bis-Santissimu Sagrament u oġġetti oħra sagri mill-knisja.

L-aħbar inxterdet malajr mal-belt kollha, u għalhekk il-ħalliel ivvjaġġa madwar ir-reġjun jipprova jbigħ l-oġġetti sagri.Negozjant irrapportah lill-awtoritajiet ċivili. Nicholas ġie arrestat,iżda ma riedx juri fejn ħeba l-Ostensorju. Il-fidili u l-awtoritajiet reliġjużi u ċivili fittxew l-Ostensorju għal ġranet sħaħ fil-kampanja kollha. Ftit aktar minn ġimgħa wara, fit-28 ta’ Novembru 1824, fil-belt ta’ Tibi fil-qrib, mara jisimha Teresa Carbonell sabet l-Ostensorju bl-Ewkaristija fih f’żona bil-ħaxix imsejħa “La Pedrera.” L-Ostja kkonsagrata kienet għadha fil-forma perfetta tagħha. Il-mara minnufih irritornat lura l-Ostensorju fil-knisja parrokkjali. In-nies kollha fil-belt ferħu u għamlu Ċelebrazzjoni kbira!

Eżattament mija u dsatax-il sena wara,fit-28 ta’ Novembru 1943,Fr. Guillermo Hijarubia,li kien delegat tal-Arċisqof ta’ Valencia,ikkonferma l-awtentiċità tal-miraklu billi vverifika l-preservazzjoni sħiħa u perfetta  tal-Ostja kkonsagrata, anki wara dawk is-snin kollha. Sal-lum l-Ostja kkonsagrat baqgħet intatta minkejja l-mija u tnejn u tmenin sena li għaddew minn fuq dil-ġrajja Mirakoluża.  

Illum dawn l-Ostji Mirakolużi għadhom jistgħu jiġu meqjuma fil-Knisja ta’ San Ġakbu Appostlu, f’Onil.  

L-artal maġġur  inbena f’ġieħ l-Appostlu San Ġakbu “il-Kbir”.Fil-kappella tal-ġenb barra min-nava prinċipali hemm il-post tal-Ostensorju li fih hemm l-Ostji Mirakolużi.Dawn ilhom jinżammu hawn sa mit-28 ta’ Novembru 1824. Il-kappella tissejjaħ “Nostre Senyor Robat,” jiġifieri “Sidna Misruq.”  

Anke wara żewġ sekli, ta’ kull sena għadha tiġi ċċelebrata l-Festa ta’ Sidna Ġesù Kristu, magħrufa bħala “Robat” b’tifkira ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku u tas-sejba tal-Ewkaristija.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading