Teofanija: Il-Misteru tal-Preżenza u l-Fidwa tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Biex niskopru mill-ġdid is-sens tas-sagru – il-Misteru tal-Preżenza Reali ta’ Alla fil-Quddiesa – kienet l-istedina tal-Papa Franġisku fl-omelija tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika f’Casa Santa Marta fl-10 ta’ Frar, 2014.

L-ewwel Qari tal-quddiesa ta’ dik il-ġurnata (1 Slaten 8,1-7;9-13) jitkellem dwar it-“teofanija” ta’ Alla fi żmien Salamun is-Sultan.Il-Mulej niżel bħal sħaba fuq it-tempju,li kien mimli bil-glorja ta’ Alla. “Il-Mulej”, qal il-Papa Franġisku, “jitkellem mal-poplu tiegħu b’ħafna modi:permezz tal-profeti,is-saċerdoti,l-Iskrittura Mqaddsa. Imma bit-teofanija, Huwa jitkellem b’mod ieħor,“differenti mill-Kelma: hija Preżenza oħra, eqreb, mingħajr medjazzjoni, fil-qrib. Hija l-preżenza Tiegħu.Dan li jseħħ fiċ-ċelebrazzjoni liturġika! Iċ-ċelebrazzjoni liturġika mhix att soċjali,att soċjali tajjeb;mhix laqgħa  tal-fidili biex jitolbu flimkien.Hija xi ħaġa oħra.Fil-liturġija,Alla hu preżenti,”imma hija preżenza aktar mill-qrib. Fil-quddiesa, fil-fatt, “il-preżenza tal-Mulej hija reali, tassew reali”.

“Meta niċċelebraw il-Quddiesa,ma nwettqux rappreżentazzjoni tal-Aħħar Ċena: le, mhix rappreżentazzjoni. Hija xi ħaġa oħra: hija l-istess l-Aħħar Ċena. Hija tabilħaqq li ngħixu għal darb’oħra l-Passjoni u l-Mewt tal-Fidwa redentriċi tal-Mulej.Hija teofanija:il-Mulej isir preżenti fuq l-artal biex jiġi offrut lill-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja.Nisimgħu jew ngħidu, ‘Imma, issa ma nistax, irrid immur il-Quddiesa, irrid immur nisma’ l-Quddiesa.Il-Quddiesa ma ‘tinstemgħetx,’ hija tiġi pparteċipata  u hija parteċipazzjoni f’din it-teofanija, f’dan il-Misteru tal-preżenza tal-Mulej fostna”.

Ix-xeni tan-Natività,it-Triq tas-Salib…dawn huma rappreżentazzjonijiet. Il-Quddiesa, min-naħa l-oħra, “hija tifkira reali, jiġifieri teofanija:Alla jersaq lejna u jkun magħna,u aħna nieħdu sehem fil-Misteru tal-Fidwa”.Sfortunatament,ħafna drabi nħarsu lejn l-arloġġ waqt il-Quddiesa,“ngħoddu l-minuti.” Dan mhix l-attitudni li l-liturġija titlob minna:il-liturġija hija ż-żmien ta’ Alla,l-ispazju ta’ Alla,u rridu npoġġu lilna nfusna hemm: fi żmien Alla, fl-ispazju ta’ Alla, u mhux inħarsu lejn l-arloġġ.

“Il-liturġija hi li tabilħaqq nidħlu fil-Misteru ta’ Alla, inħallu lilna nfusna ninġiebu lejn dan il-Misteru, u nkunu fil-Misteru. Aħna lkoll “miġbura hawn biex nidħlu fil-Misteru:din hi l-liturġija.Huwa ż-żmien ta’ Alla, huwa l-ispazju ta’ Alla, hija l-isħaba ta’ Alla li ddawwarna lkoll. Li niċċelebraw il-liturġija huwa li jkollna din id-disponibbiltà biex nidħlu fil-Misteru ta’ Alla,li nidħlu fl-ispazju Tiegħu, fiż-żmien Tiegħu,biex nafdaw lilna nfusna f’dan il-Misteru”.

Il-Papa Franġisku temm jgħid, “Ikun tajjeb għalina llum li nitolbu lill-Mulej jagħti lil kull wieħed minna dan is-‘sens tas-sagru’ — dan is-sens li jagħmilna nifhmu li hija ħaġa  li nitolbu d-dar, li nitolbu fil-Knisja, nitolbu bir-Rużarju,biex nitolbu b’tant talb sabiħ, li nagħmlu t-Triq tas-Salib,tant ħwejjeġ sbieħ, biex naqraw il-Bibbja – [imma] iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hija xi ħaġa oħra. Fiċ-ċelebrazzjoni nidħlu fil-Misteru ta’ Alla, f’dik it-triq li ma nistgħux nikkontrollaw:Hu biss l-Uniku — il-glorja, il-qawwa — Hu kollox.

Ejja nitolbu din il-grazzja: li l-Mulej jgħallimna nidħlu fil-Misteru ta’ Alla.”

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Moren-Rouge,Martinique,gżira fil-Karibew

Fit-8 ta’ Mejju,1902,Festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej,żbroffa f’daqqa waħda l-vulkan fil-quċċata tal-Muntanja Pelée.Tnixxija ta’ lava laħqet il-belt ta’ Saint-Pierre de la Martinique u  qerditha kompletment.

In-nies kollha tar-raħal ta’ Morne-Rouge,li jinsab bejn il-belt ta’ Saint-Pierre de La Martinique u l-vulkan,kienu f’periklu kbir,u beżgħu ħafna. Huma kienu devoti ħafna tal-Qalb ta’ Ġesù.Għaldaqstant dlonk marru l-knisja jitolbu lill-Madonna tal-Ħelsien biex teħlishom  minn dik il-katastrofi.Talbu biex iqerru u jitqarbnu.Il-kappillan,Fr.Marija,ta l-assoluzzjoni ġenerali lill-fidili kollha,u qarbinhom.Wara, espona s-Santissimu Sagrament għall-adorazzjoni pubbliku.

Ħin minnhom, mara għajtet: “Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù tinsab fl-Ostja!” Għadd kbir ta’ nies raw did-dehra ta’ Ġesù fl-Ostja,li wriet il-Qalb Imqaddsa Tiegħu nkurunata bix-xewk.Xi wħud iddikjaraw ukoll li raw ukoll id-Demm Prezzjuż ta’ Ġesù jqattar mill-Qalb Imqaddsa Tiegħu.

Did-dehra damet diversi sigħat u għebet biss wara li s-Santissimu Sagrament tqiegħed mill-ġdid fit-tabernaklu. Dakinhar,ir-raħal ta’ Morne-Rouge ġie meħlus mill-qilla qerrieda tal-vulkan.

Hekk,il-popolazzjoni kellha ċ-ċans li tirrikonċilja ruħha ma’ Alla,tirċievi s-sagramenti,u  tkun lesta spiritwalment għal dak li jista’ jinqala’ fil-ġejjieni. Inċidentalment,fit-30 ta’ Awwissu tal-istess sena seħħet eruzzjoni vulkanika oħra li fiha mietu madwar 1,000 u 1,500 ruħ mir-raħal ta’ Morne-Rouge.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Tumaco,fil-Kolumbja

Fil-31 taʼ Jannar,1906 fuq il-gżira żgħira taʼ Tumaco fl-Oċean Paċifiku għall-ħabta tal-għaxra taʼ filgħodu,l-art bdiet titheżżeż b’mod qawwi għal kważi għaxar minuti. Imbeżgħin l-abitanti kollha tar-raħal inġabru quddiem il-knisja u talbu lill-kappillan Patri Ġerardu Larrondo u lill-viċi tiegħu Patri Ġiljan,biex isejjaħ il-komunità għat-talb. Il-kappillan iddeċieda li jmexxi  purċissjoni bl-Ewkaristija lejn ix-xtajta.

Il-baħar kien qed jitqawwa dejjem aktar u kien diġà ħakem parti mill-bajja.Bħal ħajt muntanjuż ta’ ilma kien qed jifforma u jogħla (tsunami),jhedded li jeqred il-gżira u l-abitanti kollha tagħha f’mewġa ġganteska.

Immedjatament,Patri Ġerardu kkunsma l-Ostji ż-żgħar fil-pissidi u qiegħed  l-Ostja l-kbira fl-Ostensorju.Wara li talab lil Alla biex ikollu ħniena minnhom huwa sejjaħ lill-poplu tiegħu u qalu:“Ejja mmorru,poplu tiegħi.Ejja mmorru lejn il-bajja,u Alla jkollu ħniena  minna.” Imfarrġin bil-preżenza ta’ Kristu Ewkaristiku il-poplu kollu mexa b’ħeġġa kbira wara s-Sagrament waqt li jitlob lil Alla għall-ħniena.

Malli waslu fix-xtajta Patri Larrondo,akkumpanjat dejjem bil-viċi tiegħu, b’kuraġġ kbir  resqu lejn ix-xifer tax-xtajta u  quddiem il-mewġa qawwija li kienet qiegħda dejjem tersaq lejhom b’veloċità kbira l-Kappillan għolla l-Ostensorju bis-Santissimu Sagrament u għamel is-sinjal tas-Salib b’Ewkaristija.Kienu mumenti ta’ solennità tremenda mimlija tama u Fidi ta’ kulħadd li Alla se jgħinhom u jeħlishom mill-periklu tant kbir. Kif tabilħaqq hekk Għamel!

Il-mewġa avvanza ftit aktar,iżda qabelma Patri Larrondo u Patri Ġiljan maġenbu indunaw x’kien qed jiġri, in-nies mistagħġbin u ferħanin bdew jgħajtu: “Miraklu, Miraklu!”.

Tabilħaqq, bħallikieku mwaqqaf minn Forza inviżibbli superjuri għal dik tan-natura, il-mewġa qawwija waqfet f’daqqa,bdiet tonqos u titbiegħed lura,u l-baħar reġa’ lura għal-livell normali tiegħu.

In-nies ta’ Tumaco ferħu ħafna meta raw dak li kien ġara quddiem għajnejhom, u għarfu li ġew salvati mill-mewt bil-qawwa ta’ Ġesù fis-Santissimu Sagrament,u eċċitati faħħru u rringrazzjaw lil Alla għall-Miraklu Ewkaristiku li salva lilhom u lill-ġżira tagħhom.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Tumaco sar magħruf mad-dinja kollha u Patri Larrondo irċieva bosta ittri mill-Ewropa fejn talbu għat-talb tiegħu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading