Alla wkoll għamel tattoo (Iżaija 49, 16)

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patru Juan de Bono ocd

F’teptipa ta’ għajn, xterdet moda ġdida madwar id-dinja tal-punent. Ibda’ mil-kantanti u kompli bil-players tal-futbol ta’ fama nternazjonali, bosta bdew jagħmlu diversi tattoos fuq ġisimhom, u l-bniedem li tant jgħid li jgħożż il-liberta’, spiċċa maħkum minn moda ġdida. Ma setax jonqos li din il-moda ma damitx ma waslet ukoll ġewwa pajjiżna u bdew jiftħu tattoo studios f’kull belt u raħal tagħna, biex issa għandna ‘l fuq minn mija u tletin tattoo studios mifruxin ma’ kull rokna ta’ gżirietna.  

Issa, jekk inħaffru sewwa fl-istorja nintebħu li l-ewwel wieħed li qatt pinġa tattoo kien Alla nnifsu. “Naqqaxtlek ismek fuq il-keffa ta’ jdejja, ħitanek dejjem quddiemek” (Iż 49, 16). Permezz ta’ dan it-test, l-Awtur Sagru irid jurina kemm kull wieħed u waħda minna aħna prezzjużi f’għajnejn Alla.

Kull bniedem huwa prezzjuz għal Alla

Meta nħarsu lejna nfusna mitlufa fl-Univers li lanqas nafu minn fejn jibda’ u sa fejn jasal, nintebħu kemm aħna ċkejknin, u kif ‘l fuq minn kollox u minn kulħadd hemm Ħallieq, li minnU niddependu għall-eżistenza tagħna. Kull galaxija, kull stilla, kull pjaneta, kull annimal u kull persuna umana għandhom isem differenti, imma huwa biss isem il-bniedem li Alla naqqax fuq il-palma ta’ hdejH. Fl-aħħar mill-aħħar aħna mhux biss ħolqien ta’ Alla, imma aħna ġejna maħluqa xbieha tiegħU, u ħajjitna ma tintem qatt. Iva l-ġisem tagħna jmut, imma r-ruħ le, u fl-aħħar taż-żminijiet, anki minn dak li se jifdal mil-ġisem tagħna se jkun imqajjem ġisem ġdid bħal dak ta’ Kristu nnifsu (wara li Qam mil-mewt).

“Alla huwa Mħabba”

L-Appostlu Ġwanni jgħidilna li ‘Alla hu Mħabba’. Jiġifieri dak li jagħmel lil Alla tagħna differenti minn kull ‘alla’ li nsibu fil-mitoloġiji antiki u f’reliġonijiet oħra li jemmnu f’xi forma ta’ divinita’, hu li l-Alla rrivelat lilna minn Ġesu’ Kristu, hu Tliet Persuni distinti minn xulxin, imma Alla Wieħed, u li jinsabu f’relazjoni interpersonali ta’ mħabba. Jiġifieri l-Missier jinsab f’relazjoni mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu, u l-istess jista’ jingħad għall-Iben u għall-Ispirtu s-Santu.

Lilna l-bnedmin Alla ħalaqna Xbieha tiegħU, jiġifieri ħalaqna esseri relazjonarji, bħalma Hu nnifsu Esseri relazjonarju. Il-bniedem hu l-unika krejatura maħluqa li tista’ tidħol f’relazjoni ta’ mħabba mat-tliet Persuni Divini, mal-oħrajn u miegħu nnifsu. Alla ħalaq raġel u mara, differenti minn xulxin imma li jikkumplimentaw lil xulxin, u jiffurmaw il-bniedem.

Tliet mirja mqiegħdha waħda quddiem l-oħra, u issa wkoll il-bniedem bħala r-raba’ mera.

Ftit nirrejaliżżaw li fil-mument li l-ġenituri tagħna kienu qegħdin iġibuna fid-dinja, it-Trinita’ kellha tiltaqa ta’ malajr f’laqgħa tal-amministrazjoni (board meeting) biex jagħtu l-kunsens tagħhom biex aħna stajna nitnisslu, u jikkomplementaw l-opra unitiva tal-ġenituri tagħna bil-ħolqien tar-ruħ.

Ara meta jitnisslu l-qtates, il-klieb, jew kwalsijasi annimal ieħor, Alla f’dak il-każ poġġa r-regoli fin-natura, poġġa l-istint fil-krejaturi, u issa dak hu proċess li tista’ tgħid li jimxi ‘l quddiem u jibqa’ jevolvi waħdu, anki jekk dejjem bil-barka ta’ Alla. Imma meta nitnisslu aħna le, dik storja differenti, għax aħna maħluqa minnu fuq Xbieha tiegħu. Iċ-ċelluli li x-xjenzjati jgħidulna li fil-mument tal-konċepiment huma tmienja, fil-fatt huma disgħa, għax issa hemm ukoll ir-ruħ. Alla huwa l-ko-Krejatur ta’ dik il-krejatura ġdida.

Il-ġenituri ‘partners’ ma’ Alla fl-opra tal-krejazjoni

Immaġinaw li persuna jkollha biċċa art kbira fi prime site u bil-permessi kollha meħtieġa biex tiġi ‘żviluppata’. Il-valur ekonomiku ta’ dik l-art hi ta’ ngħidu aħna erbgħa miljun ewro. Issa ejjew għal grazzja tal-argument ngħidu li biex tiżviluppa dik l-art, ikun hemm bżonn ta’ injezjoni ta’ erbgħa miljun ewro oħra, imma li min ikollu l-art ma jkollux ċenteżmu x’investi fil-proġett, u persuna oħra toffri li tissieħeb miegħu fil-business billi toħroġ hija dan il-kapital. Ovvjament il-partner li jkun offra l-art għandu say fl-andament tal-business daqs min joħroġ il-kapital, imma huwa biss partner fil-proġet, u ma jista’ qatt jiddeċiedi xejn waħdu mingħajr il-kunsens tal-partner l-ieħor.

Aħna ħolqien ta’ Alla, u l-ġenituri tagħna huma partners ma’ Alla fil-ħolqien tagħna. Il-ġenituri offrew l-art (li ġiet mogħtija minn Alla ukoll) u Alla ħoloq lir-ruħ. Għalhekk meta ġejna maħluqa kienu ħamsa fuq il-mejda tal-amministrazjoni li taw il-go ahead tagħhom biex aħna stajna niġu fid-dinja: il-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu, missierek u ommok.

L-ewwel ultrasound fuqna kien Alla innifsu li wettqu, u dan twettaq fil-mument tat-tnissil tagħna, meta konna għadna embrijun ċkejken daqs ras ta’ labbra. Allura b’liema arroganza l-bniedem jista’ jiddeċiedi x’jiġri minn dik il-ħajja l-ġdida mingħajr ma qabel jikkonsulta mal-istess Krejatur illi mingħajr il-kunsens tiegħU dik it-tarbija lanqas biss kienet tiġi mnissla?

Isimmna huwa mmarkat fuq il-palma ta’ idejn Alla

Ġejna maħluqa minn Alla biex ġurnata ningħaqdu għal dejjem miegħU. Il-Katekiżmu ta’ San Piju X igħallem li l-fini (jiġifieri r-raġuni għala ġejna maħluqa) tal-bniedem huwa li aħna “ngħarfu, nħobbu, naqdu u nservi lil Alla biex wara din il-ħajja mmur ingawdiH għal kemm hija twila l-eternita’”. Għalhekk biss ġejna maħluqa. X’nagħmlu matul ħajjitna huwa sa ċertu punti irrilevanti.

Flixkun tal-plastik jista’ jġorr l-ilma, l-imbid, luminata, iż-żejt, imma l-plastik ma jonqosx mil-valur oriġinali tiegħu jekk il-kontenut ġewwa fih ikun ta’ valur baxx. Bil-magħmudija aħna nitlibbsu bħal barcode, u filwaqt li l-valur tagħna huwa l-fatt innifsu li aħna bnedmim maħluqa minn Alla fuq ix-Xbieha tiegħu, imma jekk il-barcode tibqa’ ċara (żammejna sħiħ fil-fidi tagħna sal-aħħar), aktar faċli li l-magna toħroġ għalina voucher ta’ għaxar ċentesmi, jiġifieri l-ħajja ta’ dejjem.

Il-qawwa tal-magħmudija

Waqt l-amministrazjoni tas-Sagrament tal-magħmudija aħna ngħatajna libsa bajda u l-missier xegħel xemgħa mil-blandun. Meta aħna ngħaddu minn din il-ħajja għal ħajja ta’ dejjem, qrib tat-tebut tagħna se jitqiegħed mil-ġdid il-blandun, li kien qrib tal-fonti tal-magħnudija meta aħna rċevejna l-magħmudija. Dak id-dawl li aħna rċevejna u dik il-libsa bajda, jiġifieri dik il-barcode li tqiegħdet fuqna u li tiddistingwina mil-bnedmin l-oħra kollha, jeħtieġ li tasal sal-aħħar bajda u mixgħula, u f’kas li tintefa jew titħammeġ, aħna nerġgħu nixgħeluha u naħlsluha grazzi għas-sagrament tal-Qrar, u nżommuha alimentata bil-parteċipazoni tagħna fl-Ewkaristija, permezz tat-Talb, tal-karita’, taż-żjajjar lil min hu anzjan, marid jew ħabsi.

%d