Bi Kristu, ma’ Kristu, u fi Kristu… u l-Miraklu ta’ Legnica

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

F’dis-sensiela tkellimna dwar l-akklamazzjonijiet liturġiċi “Qaddis, Qaddis, Qaddis …” u “Dan Hu l-Misteru tal-Fidi”. Xieraq issa nitkellmu dwar id-dossoloġija li tagħlaq it-Talba Ewkaristika: “Bi Kristu, ma’ Kristu, u fi Kristu, jingħata Lilek Alla Missier li tista’ kollox, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem”.

It-terminu ‘dossoloġija’ hu oriġinat minn żewġ kelmiet Griegi  δόξᾰ (doxa) li tfisser “glorja,tifħir” u λόγος (logos)li tfisser “kliem” jew taħdit. Dil-kelma nnifisha tmur lura għas-seklu AD 4. Għall-ewwel Insara d-dossoloġi kienu Kliem ta’ Tifħir lil Alla,u l-mod kif jesprimu l-imħabba u r-ringrazzjament tagħhom lil Alla. Għalhekk it-talba Ewkaristika tispiċċa bil-kliem ta’ tifħir li bih kull ġieħ,glorja, u tifħir jiġu offruti lil Alla l-Missier li jista’ kollox,flimkien mal-Ispirtu s-Santu… Bi, Ma’ u Fi Ġesù Kristu.

Bi Kristu tfisser “permezz ta’ Kristu” bħala li hu l-Medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin (1 Timotju 2,5) .

Il-kliem tad-dossoloġija jfisser li bis-Sagrifiċċju ta’ Kristu aħna nagħtu l-akbar ġieħ u glorja lit-Trinita’ Qaddisa.Dal-kliem huwa intiż ukoll biex isawwar il-ħajja Nisranija tagħna,u jagħmilha ħajja dejjem aktar mgħajxa Bi  Kristu, Ma’ Kristu u Fi Kristu.

Kull ċelebrazzjoni tal-Quddiesa għandha dil-funzjoni ta’ tifħir,barka,u glorifikazzjoni lil Alla.

Fi tmiem it-Talba Ewkaristika,is-saċerdot filwaqt li jgħolli l-Ġisem (l-Ostja Mqaddsa) u d-Demm ta’ Kristu (fil-Kalċi) jgħid waħdu b’leħen għoli did-dossoloġija,u jagħti glorja lit-Trinità.Il-miġemgħa Nisranija mbagħad twieġeb Ammen.

Il-Knisja temmen bis-sħiħ fil-Medjazzjoni unika ta’ Kristu u fis-Saċerdozju Waħdieni Tiegħu.Huwa biss “permezz Tiegħu,Miegħu u fiH li aħna nistgħu naslu għand il-Missier.“Ħadd ma jista’ jmur għand il-Missier jekk mhux ħlief permezz Tiegħi.”(Ġwanni 14:6) Nemmnu li l-għemejjel tagħna jogħġbu lil Alla permezz ta’ Kristu.Ħajjitna magħquda mal-Ħajja,il-Mewt,u l-Qawmien Tiegħu,hija l-ogħla glorja u foħrija li nistgħu nagħtu lit-Trinità Qaddisa.

Bi Kristu: Teoloġikament,il-partiċella bi għandha tifsira doppja.L-ewwel tifsira tfakkarna li kulma għandna,għandna permezz ta’ Kristu:fl-ordni tan-natura għax kollox inħoloq permezz tiegħu (Kolossin 1:15-20).U fl-ordni tal-Grazzja għax kollox inxtara Minnu għalina (1 Korintin 6:20 u Rumani 8:29). Imma Ġesù hu wkoll it-tmiem ta’ ħajjitna u ta’ għemilna “għax fih kien maħluq kollox fis-sema u l-art”(Kolossin 1:16).Hu stess jitlobna li ngħixu għalih u għall-Evanġelju u jorbot is-Salvazzjoni tagħna ma’ dan: “min jitlef ħajtu għall-imħabba Tiegħi u tal-Bxara t-tajba,isalvaha” (Mark 8,35).


Ma’ Kristu: Kristu biss bil-Persuna Tiegħu jista’ jippenetra fl-intimità ta’ ruħna.Metaforikament,jippenetra bħalma d-dawl jippenetra kristalla u jagħmilha qawwija u luminuża.Kristu tabilħaqq u realment jippenetra f’ruħna permezz tal-Grazzja Tiegħu li għandha l-qawwa li l-għemejjel,ħsibijiet u xewqat  tajba kollha tagħna jiġu milqugħa u mqaddsa minn Kristu,li permezz tagħna Huwa jkompli dejjem  jevanġelizza,iqaddes,u jwettaq l-opra tal-Fidwa Tiegħu għas-Salvazzjoni tal-bnedmin kollha sal-aħħar taż-żminijiet.

Fi Kristu: Li nkunu Fi Kristu” ifisser li nkunu trasformati radikalment fl-għeruq tal-natura,l-eżistenza u l-essenza tagħna stess.Kif jgħid San Pawl:“Jekk xi ħadd hu fi Kristu,hu ħolqien ġdid.” (2 Korintin,5,17).U jkompli jgħidilna  li aħna mitna għall-ħajja l-qadima u qomna ma’ Kristu għal ħajja ġdida.

Li nkunu “fi Kristu” ifisser ukoll li tqarribna aktar lejn Alla  tagħna “Imma issa fi Kristu Ġesu, intom li darba kontu  ‘l bogħod issa tqarribtu bis-saħħa tad-Demm ta’ Kristu” (Efesin 2,13).”Fi Kristu” biss li d-dejn tad-dnub tagħna huwa kkanċellat,ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla rrestawrata,u l-eternità tagħna assigurata (Ġwanni  3,16-18).

F’did-dossoloġija   “bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu” insibu waħda mid-differenzi sostanzjali bejn ir-reliġjon Nisranija u reliġjonijiet oħra.Fil-Kristjaneżmu kollox idur madwar il-Persuna ta’ Kristu,li mhux biss huwa Dak li ħabbrilna u għarrafna ħwejjeġ ġodda u kbar dwar Alla l-Missier iżda Huwa l-istess   sisien u essenza tar-Reliġjon Nisranija.

Sidna Ġesù Kristu,l-Iben ta’ Alla,u t-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa,il-Feddej u s-Salvatur tagħna bis-saħħa tad-Divinità tiegħu u l-Qawmien tiegħu,u bis-saħħa tal-Ewkaristija Mqaddsa huwa dejjem Magħna,Fina u Għalina.

Bażilament, f’din tikkonsisti d-differenza bejn ir-Reliġjon Nisranija tagħna u reliġjonijiet l-oħra.Permezz tal-Ewkaristija aħna ngħixu Bi, Ma’ u Fi Kristu,il-Fundatur tar-Reliġjon tagħna.Dan hu t-Twemmin tagħna u l-Grazzja kbira ta’ Alla għalina lkoll.

Fl-ebda reliġjon oħra ma nsibu l-Ewkaristija li permezz tagħha  l-istess Fundatur tagħha jingħaqad daqstant mas-segwaċi Tiegħu li huma jsiru ħaġa waħda Miegħu. 

Il-Miraklu Ewkaristiku, f’Legnica, Polonja

Fil-knisja ta’ San Ġjaċint fil-Legnica,waqt il-Qudiesa,fil- 25 ta’ Diċembru 2013,waqt it-Tqarbin   Ostja kkonsagrat waqgħet fl-art.

Din minnufih inġabret u tqegħdet f’kontenitur bl-ilma biex tinħall, skont il-proċeduri tal-Knisja.

Il-kappillan Andrzej Ziombra,qal li fl-4 ta’ Jannar,2014 flimkien ma’ saċerdoti oħra,mar jara jekk l-Ostja kkonsagrata nħallitx  kważi wara ġimagħtejn fl-ilma:“Minnufih innutajna li l-Ostja ma nħallitx u li dehret sustanza ħamra li tkopri parti minn ħamsa tal-wiċċ tagħha. Iddeċidejna li ninfurmaw lill-Isqof ta’ Legnica Stefan Cichy,li waqqaf Kummissjoni xjentifika teoloġika speċjali biex tanalizza l-ġrajja.

Innutajna li maż-żmien it-tebgħa fuq l-Ostja bidlet il-kulur tagħha minn aħmar skur għal kannella aħmar.Il-kampjun ittieħed direttament mix-xjenzati fis-26 ta’ Jannar 2014.Għas-saċerdoti l-miraklu kien evidenti. Il-Kummissjoni vverifikat jekk kienx xi fungus, moffa jew aġent estern ieħor. L-Istitut tal-Mediċina Forensika ta’ Wroclaw eskluda immedjatament il-preżenza ta’ bacterja jew fungi bħala kawża għall-Ostja biex ssir ħamra.Wara l-analiżi,id-Dipartiment tal-Istopatoloġija tal-Università Medika ta’ Pomeranian fi Szczecin ħabbar li “frammenti tat-tessut  fihom partijiet frammentati ta’ muskolu tal-qalb tal-bniedem b’alterazzjonijiet li spiss jidhru waqt l-agunija.”

Ir-riżultati tal-anali ġew  ippreżentati lill-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi  tal-Vatikan,li  għarfet in-natura straordinarja tal-ġrajja.

Fis-17 ta’ April 2016  wara l-istruzzjonijiet  li  ħarġu s- Santa Sede,il-kappillan Andrzej Ziombra fuq talba tal-Isqof il-ġdid ta’ Legnica Mons.Zbigniew Kiernikowskiego ħejja post  xieraq  fejn tqegħdet l-Ostja Mirakoluża għall-qima  tal-Insara u biex jinżamm reġistru tal-knisja  fejn jiġu rreġistrati l-grazzi u ġrajjiet oħra ta’ natura Sopranaturali”.

Fit-2 ta’ Lulju, 2016 l-Ostja tpoġġiet f’Reliwarju fil-Knisja ta’ San Ġjaċint,fejn għadha miżmuma sal-lum.

Hekk kif il-Vatikan qed ikompli jevalwa dal-Miraklu Ewkaristiku, il-Kappillan jgħid li din il-ġrajja straordinarja wasslet għal ħafna konverżjonijiet.

Il-Kongregazzjoni tal-Vatikan għad-Duttrina tal-Fidi approvat il-qima tal-Ostja f’Legnica fl-2016. Iżda l-Knisja tkompli tissorvelja l-istudji u teżamina jekk dal-Miraklu Ewkaristiku hux se jħalli frott spiritwali.

Il-kompitu tiegħi huwa li niġbor informazzjoni dwar fejqan mirakoluż,konverżjonijiet jew ħwejjeġ oħra relatati mal-moviment tal-pellegrinaġġi, u diġà jidher li hemm konverżjonijiet mirakolużi” qal il-Kappillan Pollakk Ziombra.

“Din id-dokumentazzjoni kollha għandha terġa’ tiġi ppreżentata lis-Santa Sede aktar tard,li se tikkontribwixxi għad-dikjarazzjoni finali dwar il-ġrajja mirakoluża kollha f’Legnica,” kompla jgħid Fr.Ziombra.

Il-kappillan baqa’ sorpriż bin-numru ta’ nies li diġà ġew fil-parroċċa tiegħu fil-Lbiċ tal-Polonja,qrib il-fruntieri Ġermaniżi u Ċeki, biex iqimu l-Ostja Mirakoluża.

“Nies minn madwar id-dinja qed jagħmlu l-pellegrinaġġ tagħhom lejn Legnica,” qal il-Kappillan qabel ma l-pandemija tal-coronavirus fixklet l-ivvjaġġar.“Għalija, kienet sorpriża assoluta, għax, pereżempju, kien hemm pellegrinaġġi minn pajjiżi fl-Asja mbiegħda, jew saħansitra mill-Amerika ta’ Fuq, minn pajjiżi bħal dawn li n-nies kellhom jivvjaġġaw ħafna eluf ta’ kilometri biex jaslu f’dan il-post.”

Dan kollu huwa wkoll sinjal għalija,konferma li Alla bagħat dan l-impuls spiritwali u qaddis lid-dinja kollha, biex id-dinja kollha timmedita fuq il-Miraklu Ewkaristiku f’Legnica u tistaqsi: “Alla x’jrid  jgħidli permezz ta’ dan. sinjal?’” qal.

Madanakollu,għal Fr.Ziombra,waħda mill-aktar konverżjonijiet li mpressjonawh ġiet minn qrib id-dar tiegħu .Raġel fil-komunità tiegħu li kien “ostili għall-Knisja ħajtu kollha, u saħansitra kien jiġġieled u jaħdem kontriha”.

“B’mod mhux spjegat, straordinarju, kien ikkonvertit … Jiġifieri Alla kkonvertih, li għal ftit jiem ma kien jaf xejn x’kien qed jiġrilu. Ma fehemx l-istat interjuri u l-bidla spiritwali  kbira li kienet qed isseħħ ġewwa fih,” qal Ziombra.

“U wara 50 sena mar għall-ewwel qrara tiegħu, l-ewwel Tqarbina.U tabilħaqq biddel ħajtu b’mod radikali, l-attitudni tiegħu lejn Alla,u sar jemmen ħafna”.

Fr.Ziombra qal li huwa ddokumenta “konverżjonijiet f’daqqa” oħra simili fil-ħajja ta’ nies li talbu f’Legnica, u kien se jgħaddi din l-informazzjoni  lill-Vatikan.

Huwa nnota li saħansitra anki l-vokazzjoni tiegħu stess bħala saċerdot issaħħet ħafna b’din il-ġrajja mhux mistennija li seħħet fil-parroċċa tiegħu.

Qalb li kienet qed tmut dehret fl-Ostja kkonsagrata…Dan,bla dubju jenfasizza l-karattru tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù,” qal.

Il-fatt li l-Mulej Ġesù ta ħajtu għalija… It-tbatija tiegħu, li mbagħad isejjaħli, bħala Kattoliku, biex noffri  ħajti sagrifiċċju,biex is-saċerdozju tiegħi jkun tassew inkorporat ma’ dan is-sagrifiċċju, b’dedikazzjoni sħiħa… dawn kollha huma aspetti konnessi mal-attitudni serja u mpenjattiva tal-vokazzjoni Nisranija u saċerdotali  tiegħi,” qal il-Kappillan Ziombra.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading