Fl-għeluq tad-diskors tiegħu fl-Angelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku ġedded it-tħassib tiegħu dwar il-kriżi umanitarja gravi f’Nagorno-Karabakh li qed tolqot lill-persuni spostati fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Caucasus.
Skont l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati UNHCR, mit-23 ta’ Settembru, aktar minn 100,000 refuġjat ħarbu lejn l-Armenja. L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti qed taħdem biex tagħti assistenza u provvisti biex jiġu salvati l-ħajjiet, speċjalment qabel ma jibda t-temp kiesaħ.
Il-Papa żied ukoll appell speċjali għall-ħarsien tal-monasteri u l-postijiet ta’ qima fir-reġjun. Esprima t-tama tiegħu li “jistgħu jiġu rispettati u mħarsa bħala parti mill-kultura lokali, espressjonijiet ta’ fidi u sinjal ta’ fraternità li tagħmilha possibbli li ngħixu flimkien minkejja d-differenzi”.
L-appell tal-Papa Franġisku lill-Ażerbajġan biex jipproteġi d-djar ta’ qima f’Nagorno Karabakh jasal, hekk kif ir-Russja ħeġġet għal taħditiet ġodda ta’ paċi. Madankollu, r-refuġjati Kristjani Armeni qed issibuha bi tqila biex jerġgħu lura f’żona li kienet id-dar tagħhom għal ġenerazzjonijiet…
Eżawriti u b’memorji koroħ, madwar mija u għoxrin elf Armen għaddew mill-belt ta’ Goris mal-fruntiera Armena, belt importanti tal-Knisja Appostolika Armena. Huma ħarbu minn Nagorno-Karabakh, u ħallew warajhom il-wirt storiku Kristjan tagħhom inkorporat fiż-żona, li nqabeż minn forzi mill-Ażerbajġan.
Ħaddiema tal-għajnuna Kristjana jaqsmu t-tħassib tal-Papa Franġisku li l-monasteri u l-knejjes antiki issa jistgħu jiġu meqruda. Joel Veldkamp, kelliem għall-grupp tad-drittijiet ‘Christian Solidarity International’, jinsab ixxukkjat. “Rajt filmat ta’ sors tal-aħbarijiet li juri truppi Ażebajġani jisparaw fuq monasteru tas-seklu 13 f’Nagorno-Karabakh. Dan huwa biss il-bidu”, huwa qal.
Madankollu, Hikmet Hajiyev, konsulent tal-president tal-Ażerbajġan, isostni li l-Armeni m’għandhom xejn minn xiex jibżgħu. “Tabilħaqq, jiddispjaċina li l-popolazzjoni ċivili ddeċidiet, ħafna minnhom, li jitilqu. U, ovvjament, f’dan il-każ, nirrispettaw il-libertà tal-għażla u l-libertà tal-moviment,” saħaq.
Ġurnalist Armen, Siranush Sargsyan, ftakkar fil-kruhat minn meta Ażerbajġan reġa’ ħataf mill-ġdid lil Nagorno-Karabakh. “Il-ġar tiegħi tilef wieħed minn uliedu. Ieħor, għalliem tal-istorja miet, u ibnu ġie ferut”, f’attakki mill-Ażerbajġan. “U dan huwa biss mir-raħal tiegħi. Iltqajt ma’ diversi ommijiet li tilfu żewġ ulied, tliet ulied,” qalet bid-dmugħ f’għajnejha.
Fid-disgħinijiet, Sargsyan u oħrajn gawdew il-libertà wara lis-separatisti ħarġu mill-Ażebajġan mal-kollass tal-Unjoni Sovjetika. Hekk kif l-Ażerbajġan reġa’ ħataf ir-reġjun, prattikament il-popolazzjoni Armen kollha telqet.
Il-korispondent tal-Al Jazeera, Osama Bin Javaid, ra il-belt ewlenija f’Nagorno-Karabakh, Khankendi, kif ġiet abbandunata. “Hawn fiċ-ċentru tal-belt, jekk jien ma nitkellimx, ma tisma’ xejn. M’hemm assolutament ħadd, apparti li baqaw ftit anzjani, persuni b’diżabilità, u oħrajn”, qal fost siġġijiet u affarijiet oħra li dehru li tħallew wara li telqu bil-għaġla. “Xi ġriewi ilhom jduru madwarna, possibilment ifittxu l-ikel. Diffiċli tiddeskrivi s-sensazzjoni meta tidħol f’belt, meta tħares lejn stampi tagħha fejn kien hemm tant attività. Imma issa hija belt tal-irħsa, mingħajr ebda ruħ”, spjega il-korispondent.
Il-President Russu Vladimin Putin qal fi tmiem il-ġimgħa li jemmen li l-ftehim ta’ paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan jista’ jintlaħaq jekk iż-żewġ naħat juru rieda tajba. Iktar kmieni ppropona li jsiru taħditiet bejn iż-żewġ nazzjonijiet f’Moska. Iżda jkun xi jkun ir-riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, ir-refuġjati jidher li m’għandhom l-ebda ħeġġa li jirritornaw f’Nagorn-Karabakh taħt il-ħakma tal-Ażebajġan.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-10/pope-calls-attention-to-humanitarian-crisis-in-nagorno-karabakh.html